Żwiemel, klieb, fniek, fkieren, tjur, iguana u saħansitra llama kienu fost l-annimali li traxxax l-ilma mbierek fuqhom waqt it-tberik tradizzjonali fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Anton Abbati, il-protettur tal-annimali. Iċ-ċerimonja tat-tberik tal-annimali saret quddiem il-Knisja ddedikata lil San Mark, immexxija mill-Patrijiet Agostinjani, fir-Rabat, fejn bosta kkonkorrew bl-annimali tagħhom biex ikomplu din it-tradizzjoni.

Din il-festa tmur lura għal żmien l-Ordni ta’ San Ġwann meta l-Gran Mastru kien jibgħat il-bhejjem tiegħu biex jitbierku. Il-ħajja ta’ San Anton hija xhieda tar-rabta li dan il-qaddis kellu mal-annimali.

Jingħad li dan il-qaddis għex ħajja bħala eremita u li kien ibierek l-annimali li kien jiltaqa’ magħhom fil-vjaġġ tiegħu. Qabel it-tberik tal-annimali, saret ukoll purċissjoni bl-istatwa devota ta’ San Anton Abbati, bis-sehem tal-Patrijiet Agostinjani. Il-purċissjoni kienet akkumpanjata mill-Banda Dekana u Ċittadina l’Isle Adam.




