Tuesday, December 24, 2024

Isostni li ċ-Ċina għandha rwol x’taqdi biex tipperswadi lir-Russja ttemm l-gwerra

Il-President George Vella fit-18-il Laqgħa Informali tal-Kapijiet ta’ Stat tal-Grupp Arraiolos f’Porto, il-Portugall

Aqra wkoll

Waqt l-ewwel sessjoni ta’ ħidma tal-Laqgħa Informali mmexxija mill-President tal-Portugall, Marcelo Rebelo de Sousa, il-Kapijiet ta’ Stat ikkundannaw l-invażjoni Russa fl-Ukrajna. Il-President Vella saħaq li Malta sa mill-bidu nett ħadet din il-pożizzjoni kategorika kif sostniet bħala membru elett tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda.

“L-istatus tagħna bħala pajjiż newtrali ma waqqafniex milli nieħdu azzjoni biex ngħinu lill-Ukrajna b’mod tanġibbli. Malta ser tkompli tipprovdi għajnuna umanitarja lill-Ukrajna u tappoġġja bis-sħiħ l-isforzi li jiżguraw l-assistenza tal-UE biex tindirizza s-sitwazzjoni umanitarja u l-bini mill-ġdid u l-irkupru tal-pajjiż,” stqarr il-President waqt il-Konferenza Stampa konklużiva indirizzata mill-Kapijiet ta’ Stat parteċipanti kollha. Il-President Vella żied jgħid li sħab internazzjonali oħra jeħtieġ li huma wkoll jieħdu passi fir-rigward tal-gwerra fl-Ukrajna u fakkar fil-laqgħa tiegħu f’Malta mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ċiniż Wang Yi li matulha enfasizza li ċ-Ċina, bil-qawwa politika u ekonomika tagħha, għandha rwol x’taqdi biex tipperswadi lir-Russja ttemm il-gwerra.

It-tieni sessjoni ta’ ħidma ffokat fuq l-isfidi eżistenti u dawk ġodda li qiegħda tiffaċċja l-Unjoni Ewropea. Il-President Vella rrimarka li l-gwerra li għaddejja fit-territorju Ewropew tfakkar lill-Istati Membri li l-istabbiltà fil-viċinat tagħna, inkluż il-Mediterran u s-Saħel, irridu nibżgħu għaliha. Saħaq li l-impenji f’dan ir-reġjun m’għandhomx jiġu sottovalutati, u li l-instabbiltà prevalenti, kemm jekk hi politika, soċjoekonomika, jew relatata mal-migrazzjoni, fl-aħħar mill-aħħar taffettwa lill-Ewropa. Fl-intervent tiegħu, il-President Vella indirizza l-emerġenza klimatika fil-Mediterran u ddiskuta strateġiji ta’ rispons effettivi.

Il-President Vella enfasizza t-tħassib ta’ Malta dwar il-migrazzjoni irregolari hekk kif l-Unjoni Ewropea qed tkompli tara żieda fil-flussi irregolari, b’networks ta’ traffikar jagħmlu qligħ għad-detriment tal-ħajjiet tal-bnedmin. “Jeħtieġ li nfittxu soluzzjonijiet olistiċi bħala parti minn sħubija komprensiva mal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu”, tenna l-President.

Fl-aħħar parteċipazzjoni tiegħu fil-qafas tal-Grupp Arraiolos, il-President Vella rringrazzja lill-kollegi tiegħu għall-appoġġ tagħhom tul il-mandat tiegħu u feraħ lill-President Rebelo de Sousa talli ospita din il-laqgħa, “li kienet tifkira memorabbli tal-20 anniversarju mit-twaqqif tal-Grupp Arraiolos”.

L-ewwel laqgħa tal-Grupp Arraiolos saret taħt l-awspiċi tal-mibki President Jorge Sampaio fl-2003 fil-belt Portugiża ta’ Arraiolos. Malta ngħaqdet mal-Grupp fl-2015 u ospitat il-Laqgħa tal-Arraiolos fl-2017 u l-2022.

Ekonomija

Sport