Thursday, April 18, 2024

IT-TNIĠĠIS FL-ARJA U T-THEDDIDA DINJIJA FUQ L-AMBJENT

Aqra wkoll

Snin ta’ kampanji fuq l-ambjent ħolqu kuxjenza dwar il-bżonn li nibżgħu għall-ambjent. Illum tista’ tgħid li ħafna jitkellmu fuq il-bżonn li nibżgħu għall-ambjent. Li ma nkomplux nieħdu artijiet agrikoli għal bini, jew neqirdu l-foresti għal skopijiet ekonomiċi u kummerċjali. Kull pajjiż għandu ir-realtajiet tiegħu. Il-bidla fil-klima hi fenomenu li qed jolqot lil kulħadd.

Il-pressjonijiet fuq l-artijiet u fuq żoni ambjentali huma kbar, f’kull parti tad-dinja. Jekk nieħdu pajjiżna naraw li l-pressjoni fuq l-art qiegħda dejjem tikber. Qed nibqgħu naraw aktar u aktar art li tinsab barra ż-żona ta’ żvilupp (ODZ) li qed tispiċċa titnaqqar. Tiskanta kemm tara applikazzjonijiet, ta’ żvilupp fuq żoni ODZ. Jolqtuna l-applikazzjonijiet li fihom jingħad li fi strutturi jew irżiezet se jkunu qed jitrabbew l-annimali. Oħrajn biex jibnu kmamar fl-istess għelieqi. U x’tara fil-kampanja tagħna?

Qegħdin dejjem naraw aktar binjiet ta’ kmamar li jinbnew waqt li għelieqi qed jispiċċaw jintużaw għal skop rikreattiv. Jinxtraw minn familja jew minn xi ħadd partikolari u jużahom għal skop ta’ rikreazzjoni fi tmiem il-ġimgħa.

Nemmnu li dan hu ħażin. Nemmnu li dan għandu jiġi indirizzat. Ma nistgħux nibqgħu nitilfu aktar art agrikola għal skop rikreattiv. L-art agrikola qiegħda hemm biex tinħadem għal produzzjoni agrikola u mhux għal skop rikreattiv.

U għandna min kapaċi jkun ukoll kreattiv. F’għalqa jiżra is-siġar u mbagħad f’xi żona partikolari tara xi kamra tal-injam jew xi kamra oħra, biex fihom jinġemgħu in-nies fi tmiem il-ġimgħa.

Ma nistgħux ma nistaqsux x’monitoraġġ qed isir mill-awtoritajiet b’mod partikolari wara li jinħarġu permessi f’ODZ biex jaraw li dak l-iżvilupp partikolari verament sar u baqa’ konformi mal-permessi li ingħata?  Kemm qed niċċekkjaw dwar jekk permessi li ngħataw u li ingħad li se jkunu irabbu xi annimali jew li ngħataw għal skop agrikolu, fil-fatt baqgħu b’dak l-iskop?

Din hi biss parti mill-problema li għandu l-ambjent f’pajjiżna. Sfortunatament għandna il-problema tal-użu tal-bexx kemm fl-agrikoltura u anke minn kunsill lokali. Kemm se ndumu naraw flora tiġi mibxuxa f’toroq fil-kampanja, meta hu fatt li dik il-flora hi importanti ħafna għal eko sistemi tagħna. Meta se naraw li dawn it-toroq fil-kampanja ma jibqgħux jiġu mibxuxa?

Theddida  oħra għall-ambjent u l-arja tagħna ġejja ukoll mit-tniġġiż tal-arja.  Il-karozzi f’pajjiżna baqgħu dejjem jiżdiedu.  Tista’ tgħid li saret problema biex tmur f’xi post u ssib tipparkja. Fatt li qed joħloq pressjoni ġodda biex ikollna parkeġġi ġodda, li minnha nfisha f’dan pajjiżna ma tagħmilx daqstant sens, għax qed tkun tfisser li aktar spazji li jistgħu jkunu pubbliċi u li fihom jikkrejaw ruħhom l-familji, qed jintilfu biex jakkomodaw il-karozzi. 

Ovvjament din iż-żieda fil-karozzi tfisser aktar tniġġis tal-arja. Hu minnu li f’pajjiżna llum dejjem qed jidħlu karozzi li jniġġzu anqas. Minkejja dan l-ammont ta’ karozzi f’pajjiżna hu wieħed qawwi ħafna u dan qed joħloq konġestjonijiet f’ċerti żoni fi tmiem il-ġimgħa.

Hu pożittiv li fuq livell ta’ Unjoni Ewropea qegħdin naraw il-bidu għal pjanijiet ambizzjużi biex tnaqqas b’mod drastiku l-emissjonijiet u t-tniġġis matul id-deċennji li ġejjin. Parti minn dan jinkludi l-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tniġġis Żero li tnieda reċentement u li se jiffoka fuq it-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija għal livelli li ma għadhomx jitqiesu ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent.  Għaddejja ħidma  b’konnessjoni ma’ rapport  dwar it-Tniġġis Żero, li mistenni jiġi ppubblikat aktar tard din is-sena.

Lil hinn minn dan hi importanti l-mentalità tan-nies. Li jkollna kuxjenza ambjentali hi tajba u pożittiva. Imma waħidha biss mhix biżżejjed. Kull wieħed u waħda minnha irid jibda’ jimxi hu stess bl-eżempju. U dan għal ħafna mhux faċli. X’inhu l-eżempju? Li tuża inqas il-karozza tiegħek u tmur għal trasport alternattiv.  Li tara li ma taħlix konsum ta’ enerġija. Illum nafu li għandna kontijiet pjuttost irħas, u dan minnu nfih jista’ jwassal biex ikun hawn min ma jaħsibhiex darbtejn biex jaħli. L-istess fuq il-konsum tal-ilma. M’għandniex dubju li fuq dan il-punt għad hawn bżonn edukazzjoni kbira. Irridu nenfasizzaw aktar biex mill-kuxjenza ngħaddu għal azzjoni mill-popli. 

Sfortunatament sa issa meta nitkellmu fuq il-protezzjoni tal-ambjent għadna wisq naħsbu li qisu xi ħadd ieħor irid jagħmel xi ħaġa u aħna m’hemmx għalfejn. L-azzjoni trid tiġi minn kulħadd.

Ekonomija

Sport