Monday, February 10, 2025

“Jekk tittama fil-Mulej, hu l-garanzija tad-dinjità tiegħek, tal-progress veru u tal-ġid veru tiegħek”

Aqra wkoll

Il-quddiesa pontifikali fil-festa tal-Appostlu Missierna San Pawl, immexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna, li saret dalgħodu fil-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu fil-Belt Valletta. Għall-quddiesa attendew l-ogħla awtoritajiet tal-Istat fosthom il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, l-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia, il-Prim Imħallef Mark Chetcuti, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, u bosta dinjitarji oħra.

Fl-omelija tiegħu l-Arċisqof staqsa lill-Maltin jekk it-tama tagħna hiex l-istess tama tal-pagani, jew hix il-vera tama f’Alla. Hu jgħid li “l-Mulej mhuwiex għadu tal-libertà tiegħek, tal-progress veru, tad-dinjità tiegħek. Jekk tittama fil-Mulej, hu l-garanzija tad-dinjità tiegħek, tal-progress veru u tal-ġid veru tiegħek.”

Permezz tat-tagħlim li tana Missierna San Pawl, l-Arċisqof kompla jgħid li “it-tama twasslek għall-ħajja ta’ dejjem. Min jittama f’Ġesù jkollu togħma tajba fil-ħajja. Il-pedament hu l-fidi. Il-mod konkret kif tgħixha hi l-imħabba. It-tama tagħtik d-direzzjoni. Hi ankra u boxxla.”

Saħaq li n-Nisrani li jittama ma jarax il-mewt bħala dik li ttemmlu ħajtu, iżda bħala bieb jew tieqa għall-ħajja ta’ dejjem. “Ejjew naħdmu biex meta niftakru fit-tmiem ta’ ħajjitna fuq din l-art, qalbna tiftakar f’dik it-tama hienja u Alla jbierek dak kollu li nagħmlu bħala soċjetà, sabiex min qiegħed qrib id-destinazzjoni ta’ din il-ħajja, il-ħajja ta’ dejjem tkun imwieżena bis-sapport tagħna, bis-servizzi kollha meħtieġa, bl-imħabba tal-aħwa mhux abbandunat, mhux imwarrab, imma rispettat, imwieżen, megħjun.”

L-Arċisqof talab għal kull persuna li preżentament tilfet it-tama f’ħajjitha sabiex tiskopri l-faraġ u s-sabar. Talab ukoll għal pajjizna sabiex jagħżel dejjem jagħti tama lill-poplu tiegħu. Semma wkoll dawk il-pajjiżi li tilfu t-tama minħabba l-vjolenza u l-inġustizzja u talab sabiex ikollhom il-barka ta’ mexxejja mqanqlin mill-imħabba u s-sens komun.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport