Monday, May 13, 2024

Jidħol fl-aħħar fażi x-xogħol fuq l-impjant tal-Multi Recovery Facility fil-kumpless ECOHIVE

Aqra wkoll

Wasal fl-aħħar stadju x-xogħol fuq il-faċilità ġdida tal-immaniġġjar tal-iskart f’ECOHIVE Complex fil-Magħtab, li se tkun tista’ tipproċessa mal-40,000 tunellata ta’ skart riċiklabbli. Dan ifisser li mis-sena li ġejja l-iskart riċiklabbli mhux se jibqa’ jiġi proċessat fi-faċilità tal-WasteServ f’Marsaskala.

Hekk kif tħabbar fil-Budget 2023, malli l-ipproċessar tal-boroż griżi u ħodor jieqaf mill-Faċilità ta’ Sant’Antnin, 20,000 metru kwadru minn dak li kien jifforma l-impjant ta’ Sant’Antnin ser jinbidel f’żona oħra miftuħa għall-familji.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett, flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca, żaru x-xogħlijiet li għaddejjin fuq din il-faċilità fil-Magħtab.

Waqt iż-żjara l-Ministru Miriam Dalli qalet li l-investiment fuq din il-faċilità ġdida jammonta għal madwar €4 miljun, li jikkonsisti f’tagħmir u f’xogħlijiet oħra. Saħqet li dan l-investiment ikompli juri l-impenn ta’ dan il-gvern fis-settur tal-immaniġġjar tal-iskart f’pajjiżna. Permezz ta’ din il-faċilità se jkun possibbli sabiex 20,000 metru kwadru ta’ art jerġgħu jiġu ritornati lura lill-pubbliku fi spazju aħdar.

“Dan huwa pass ieħor ’il quddiem fil-pjan fit-tul tal-gvern li fis-snin li ġejjin nirriċiklaw, nikkonvertu f’enerġija jew nittrattaw l-iskart kollu f’pajjiżna, sabiex innaqqsu drastikament l-użu tal-miżbliet,” qalet il-Ministru Dalli.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett sostna li “Dan huwa proġett ieħor iffinanzjat b’fondi Ewropej li permezz tiegħu se jkun qed jgħin biex insaħħu l-ekonomija ċirkolari li tkompli tagħti aktar prijorità lis-settur ambjentali. L-investiment li qiegħed isir mhux biss huwa konformi mal-politika nazzjonali u Ewropea, imma jingħaqad ukoll mal-inizjattivi li qegħdin jittieħdu mill-WasteServ biex l-iskart jerġa’ jiġi użat.”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ Richard Bilocca spjega li din il-faċilità se tkun qed tissepara tipi differenti ta’ metall, kartun u plastik permezz ta’ makkinarju apposta li ħa jiġbor u jagħżel dawn il-materjali b’mod awtomatizzat. Dan imbagħad ser ikun qed jiġi mballat sabiex ikun jista’ jiġi ritornat fis-suq bħala parti minn ekonomija ċirkulari. Din il-faċilità se tkun qed iżżid l-effiċjenza tal-ipproċessar ta’ dawn il-materjali minn 30% għal 70% hekk kif dawn il-materjali mhux se jibqgħu jiġu separati manwalment. 

Dan il-proġett, li qed jiġi parzjalment iffinanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea, se jkun qedi jibni fuq l-investiment ta’ €500 miljun għall-proġett ECOHIVE li se jgħin lill-pajjiż ikompli jimxi lejn ekonomija ċirkolari fejn l-iskart kollu jinbidel f’riżorsa. Bħala parti minn dan il-proġett, is-sena d-dieħla Wasteserv se tiżviluppa Organic Processing Plant b’investiment ta’ €50 miljun, li hija wkoll miżura fil-Budget 2023.

Sport