Sunday, May 5, 2024

Grech isostni li l-PN huwa kburi bil-poplu u jemmen fid-dinjità tiegħu

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech waqt ir-replika tal-budget 2023

Aqra wkoll

Fil-Parlament illejla, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qed jagħmel ir-replika tiegħu għall-Budget 2023. Huwa beda biex qal li Malta u Għawdex għandhom bżonn tmexxija li taħseb għal għada.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni reġa’ tenna li dan huwa budget kożmetiku li ma joffri l-ebda viżjoni fit-tul u li ma jindirizzax il-problema tal-għoli tal-ħajja.

“Budget tajjeb jirriklama lilu nnifsu”

Kompla biex jgħid li l-gvern ilu żmien jiftaħar kemm dan kien budget tajjeb, iżda madanakollu qiegħed jonfoq miljuni f’reklamar b’kull fejn tiftaħ jekk hux midja soċjali jew televiżjoni, issib stampa surreali tal-ħajja li qegħdin jgħixu n-nies.

Huwa kompla jgħid li l-Gvern irid jindirizza l-ekonomija billi għas-sena li ġejja se nerġgħu niddejnu biljun ewro. Qal ukoll li dan kien l-ewwel Gvern Malti li qata’ qalbu li jkabbar l-ekonomija bil-ħila tal-Maltin. “Ma nafux fejn dan il-Gvern irid jieħu l-pajjiż għada. Dan hu żmien kruċjali għall-ekonomija ta’ pajjiżna”, tenna Grech.  

“Kull għajnuna merħba biha”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li bosta pajjiżi fl-Unjoni Ewropea ma stennewx id-data tradizzjonali tal-budget iżda ppreżentaw mini budgets biex isostnu lill-familji. Rigward iċ-ċekkijiet, Grech qal li kull għajnuna merbħa biha, iżda l-għajxien, l-post tax-xogħol u l-kwalità tal-ħajja qiegħda tiddependi mill-viżjoni ta’ dan il-gvern.

“Stħarriġ li jinkwetani”

F’mument minnhom il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li kien hemm stħarriġ li qiegħed jinkwetah u dlonk il-Membri Parlamentari tan-naħa tal-Gvern infexxew jidħqu fid-dawl tal-istħarriġ ikkummisjonat minn It-TORĊA, li kien ippubblikat riċentament mill-istatistiku Vincent Marmarà, li juri distakk bejn iż-żewġ partiti ewlenin kompla jikber. 

Grech iżda qal li l-istħarriġ li kien qed jinkwetah u li qed jagħmel referenza għalih kien dak ippubblikat mill-EY li sab li xejn inqas minn żewġ terzi tal-kumpanija Maltin mhumiex isibu ħaddiema fil-ħiliet li għandhom bżonn.

Grech jistieden lill-PM biex jiddikjara li se jwaqqaf il-kuntratt ta’ Steward

“Qalulna li għandhom il-viżjoni li jattiraw lejn Malta investiment ġdid. X’investiment ġdid? Ma ġabux investiment wieħed li hu wieħed fil-pajjiż? Qalulna li se jibnu sptarijiet ġodda u minflok qabdu l-isptarjiet ta’ San Luqa, Karin Grech u dak ġenerali t’Għawdex u tawhom lill-barranin f’wieħed mill-ikbar skandli ta’ pajjiżna fejn għandna barranin li qed jagħmlu qliegħ mit-taxxi tagħna,” saħaq Grech. 

Kien hawn fejn stieden lill-Prim Ministru biex għada fid-diskors tiegħu, jiddikjara li se jwaqqaf il-kuntratt ta’ Steward. Qal li b’dan il-mod il-Prim Ministru juri li jinsab fuq in-naħa tal-poplu.

“Il-kwalità tal-ħajja qed tmur għall-agħar kuljum”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-poplu mhux iċ-ċifri jinteressawh, mhux il-bagalja ħamra tal-Ministru tal-Finanzi, imma kemm se jgħix ħajja aħjar.

Żied jgħid li quddiem il-wegħda ta’ żvilupp sostenibbli, tawna ġungla tal-konkrit. Quddiem il-wegħda tas-soluzzjoni għat-traffiku għandna konġestjoni tat-traffiku ta’ kuljum, f’kull ħin, żieda ta’ inċidenti u l-imwiet.

“Wegħdu kwalità ta’ ħajja aħjar, u llum għandna l-kwalità ta’ ħajja tal-poplu li qed tmur għall-agħar kull ġurnata li tgħaddi”, żied jgħid Grech.

“L-għalliema għal darba oħra nsejtuhom għalkollox”

Huwa tkellem dwar il-koperattivi u qal li dawn kienu wkoll minsijin f’dan il-budget. F’dak li jirrigwardja l-ispiża kapitali dwar l-edukazzjoni, Grech saħaq li għas-sena li ġejja, il-Gvern qed jerġa’ jivvota €11-il miljun inqas minn dak li kien ivvutat is-sena l-oħra. Saħaq li fil-budget hemm tliet paġni biss allokati għall-edukazzjoni u diżappuntanti kif il-professjoni tal-edukaturi mhux tingħata l-importanti li jixraqilha tant li l-għalliema għal darba oħra ġew minsija għalkollox.

“Dan il-gvern sar jiddiskrimina bejn Laburist u Laburist”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-gvern sar jiddiskrimina anke bejn Laburist u Laburist. Grech qal li għal dan il-gvern hemm iċ-ċirku ta’ ġewwa u dawk li qed jaqsmu magħhom, imbagħad hemm dawk il-Maltin u dawk il-Laburisti li mhumiex fiċ-ċrieki ta’ ġewwa li għadhom sal-lum ma jistgħux jimxu ’l quddiem.

“Sitwazzjoni fl-isptarijiet sejra lura”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal ukoll li fl-Isptar “antibijotiċi komuni qegħdin out of stock. Għandna rapporti li anke ingwanti u gowns li jintużaw għall-operazzjonijiet, li huma neqsin.”
Qal li “issa mhux mediċini, għodda, sodod u swali biss hemm out of stock. Hemm ukoll infermiera out of stock.” Hawn saħaq li s-sitwazzjoni tal-infermiera marret lura u mhux ‘il quddiem.

“Għawdex sparixxa għalkollox fil-budget”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech kompla jgħid li l-kapitlu dwar Għawdex sparixxa għalkollox fil-budget. Tenna li jissemmew ċertu inizjattivi dwar Għawdex ‘l hemm u ‘l hawn u xħin tagħsarhom tinduna li huma proposti riċiklati li ilhom imwiegħda s-snin u li baqgħu ma saru qatt,” qal Grech.

“Nibnu l-ekonomija fuq 10 setturi ġodda”

Lejn tmiem id-diskors tiegħu Grech saħaq dwar l-10 setturi ġodda li fuqhom jista’ jkun ibbażat it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna skont il-partit tiegħu.

“Aħna kburin bil-poplu Malti u Għawdxi. Aħna li nemmnu fid-dinjità ta’ kull persuna. Aħna il-partit li ħoloq is-setturi tat-turiżmu u żviluppajna setturi li kollha baqgħu jimpjegaw fis-sod. Urejna li għandna pjan għal 10 setturi ġodda u li permezz tiegħu ntejbu bis-sħiħ il-kwalità tal-poplu tagħna. Ħaddieħor irid jibni fuq id-dejn, aħna nibnu fuq setturi ġodda li joffru aktar opportunitajiet liż-żgħażagħ tagħna”, temm il-kap tal-Oppożizzjoni filwaqt li tenna l-impenn li bħala partit magħqud il-Partit Nazzjonalista jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-poplu kollu.

Sport