Saturday, December 21, 2024

Jingħata bidu għall-MARE Summit

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard ta bidu għall-MARE Summit – jumejn ta’ attivitajiet bil-parteċipazzjoni ta’ industriji tal-kostruzzjoni u l-proprjetà kemm lokali kif ukoll internazzjonali.

Fl-introduzzjoni tiegħu l-Ministru Attard qal, “Il-parteċipazzjoni tal-Ministeru f’dan is-Summit permezz tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni u l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol huwa pass importanti biex inkomplu nsaħħu d-djalogu f’dan is-settur li għaddej minn proċess riformattiv.”

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Attard ta rendikont tal-progress li qed isir fil-programm ta’ ħidma tal-gvern f’dan is-settur inkluż bl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika.

Il-Ministru Attard ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin ser jiskatta proċess ta’ awditjar fuq l-operat tal-awtoritajiet biex jissaħħaħ l-istrutturar tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol u dik tal-Bini u l-Kostruzzjoni.

Paripassu ma’ dan il-proċess, ġie maħluq Direttorat fi ħdan il-Ministeru responsabbli mill-ġustizzja u r-riforma tas-settur tal-kostruzzjoni. Dan id-Direttorat se jkollu l-għan li jassigura li jkun hemm kontinwità, sinerġija u koordinazzjoni bejn l-istakeholders differenti, kemm fuq livell intra-ministerjali kif ukoll fuq livell inter-ministerjali.

Il-Ministru tkellem ukoll dwar ir-ristrutturar li jinsab għaddej fl-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni fejn fost l-oħrajn fl-aħħar ġimgħat ġie maħtur Aġent Kap Eżekuttiv Ġdid u ġie rikompost il-bord tal-istess awtorità.

Il-Ministru faħħar ukoll il-ħidma li tinsab għaddejja fi ħdan l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol u reġa’ tenna l-impenn tal-wegħda tal-gvern li sas-sajf ikollna liġi ġdida dwar is-saħħa u s-sigurtà.

Prijorità oħra importanti, li tħabbret ukoll mill-Prim Ministru waqt il-pubblikazzjoni tal-Inkjesta ta’ Sofia, hija l-estensjoni tar-rwol tal-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar fi ħdan l-uffiċċju tal-Ombudsman, li se jinkorpora l-kostruzzjoni. Tenna li din mhix biss bidla fl-isem iżda espansjoni tal-mandat biex kull individwu aggravat ikollu rikors aktar effettiv permezz tal-ombudsman.

Wara d-diskors tal-ftuħ, l-awtoritajiet fi ħdan il-Ministeru mexxew diskussjoni bit-tema ‘Is-Sigurtà f’siti ta’ Kostruzzjoni’. F’din id-diskussjoni ġew innutati ċerti nuqqasijiet li jiltaqgħu magħhom l-awtoritajiet kif ukoll ingħatat informazzjoni dwar kif it-terzi jistgħu jaġixxu biex iħarsu l-interessi tagħhom f’dawn iċ-ċirkostanzi.

Ekonomija

Sport