Wednesday, January 1, 2025

Jinħarġu aktar minn 400 taħrika fi spezzjonijiet tat-traffiku madwar Malta u Għawdex fil-perjodu tal-festi

Aqra wkoll

Il-preżenza tal-Pulizija f’diversi toroq madwar il-pajjiż permezz ta’ spezzjonijiet tat-traffiku, wassal biex għal sena oħra, matul il-jiem tal-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena, it-toroq Maltin kienu ħielsa minn inċidenti serji tat-traffiku. 

Fl-aħħar għaxart ijiem, bejn it-22 ta’ Diċembru u l-lejl li għadda, fejn ġiet iċċelebrata tmiem u bidu ta’ sena, b’kollox saru aktar minn 170 roadchecks fejn fihom twaqqfu aktar minn 4,700 vettura u nħarġu aktar minn 400 taħrika. 

Fost il-kontravenzzjonijiet li nħarġu kien hemm lil sewwieqa li nqabdu jsuqu mingħajr il-liċenzja mwaħħla; użu ta’ mobile phones waqt is-sewqan; u sewwieqa mhux lebsin iċ-ċintorin tas-sigurtà. Numru ta’ vetturi ġew ukoll irmunkati għax is-sewwieq ma ppreżentax liċenzja valida. 

F’uħud minn dawn l-ispezzjonijiet intużaw is-speed gun, fejn inħarġu aktar minn 85 taħrika fuq veloċità eċċessiva. Fejn kien hemm suspett raġjonevoli, saru tfittxijiet fil-vetturi mill-klieb tal-Pulizija, kif ukoll saru testijiet tal-breathalyzer, bi 11-il persuna nstabu pożittivi. Minbarra dawn l-ispezzjonijiet f’diversi lokalitajiet il-pulizija qassmu wkoll materjal edukattiv biex jekk wieħed se jixrob ma jsqux. Dan il-materjal tpoġġew fost oħrajn fuq vetturi pparkkjati. 

Il-Kelliem tal-Korp tal-Pulizija qal li “dawn l-ispezzjonijiet fit-toroq kienu kkoordinati mill-Korp talPulizija, bl-assistenza ta’ uffiċjali minn Transport Malta. Dan l-eżerċizzju ta’ spezzjonijiet fit-toroq mhux se jieqfu fi tmiem il-festi tal-ewwel tas-sena iżda se jibqgħu għaddejjin tul is-sena kollha bil-għan li f’Malta u f’Għawdex ikun hawn toroq iżjed siguri. Il-Korp tal-Pulizija jirringrazzja lil kulħadd talkoperazzjoni biex matul dawn il-jiem ta’ festi kellna toroq siguri u bla ebda inċident serju.”

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport