Saturday, December 21, 2024

Jinżamm arrestat wara li ħebb għal ieħor b’sikkina f’Ħal Qormi

Aqra wkoll

Ryan Refalo ta’ 28 sena minn Bormla baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti dalgħodu mixli li darab ħafif raġel ieħor b’sikkina wara argument li seħħ il-Ġimgħa filgħaxija f’Wied iċ-Ċawsli, Ħal Qormi. 

Huwa kien mixli wkoll li kellu sikkina fil-pussess tiegħu, li hedded lil Terence Cini, li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. 

L-Ispettur Alfredo Mangion spjega lill-Qorti kif il-Pulizija kienet irċeviet telefonata li kien ħarab żiemel fi Triq iċ-Ċawsli u ftit wara rċevew telefonata oħra fejn intqal li kien hemm raġel ferut fl-istess post. 

Huwa qal li meta l-pulizija marru fuq il-post sabu lil Terence Cini ferut b’daqqa ta’ sikkina fuq in-naħa tal-lemin ta’ żaqqu. 

Cini kien stqarr mal-pulizija li l-allegat aggressur ma jafx min hu imma li kien juża vann Nissan Navarra ta’ lewn griż, illi kien waqaf u allegatament aggredih.

L-Ispettur Mangion żied jgħid li l-pulizija daħlitilha informazzjoni anonima li n-Nissan kienet proprjetà tal-imputat Ryan Refalo. Huwa qal li Refalo kien ġie arrestat fl-Għassa ta’ Bormla.

L-imputat, li qal li xogħlu huwa dak li jaħsel il-karozzi, wiegeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u talab għall-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba li l-imputat kien diġa’ ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq każ li kien tressaq dwaru żmien ilu.

Il-prosekuzzjoni qalet ukoll li hemm il-biża’ ta’ intralċ ta’ provi u li hemm xhieda pajżana li għad iridu jixhdu fosthom il-vittma li għadu rikoverat l-isptar u ma tax ix xhieda tiegħu fl-atti tal-inkjesta. 

Min-naħa tagħha, d-difiża argumentat li persuna m’ghandhiex tinzamm arrestata meta teżisti l-possibilta li dan ma jkunx il-persuna ħatja ta’ dan ir-reat. 

Id-difiża żiedet li: “hemm ukoll id-diffikulta li dawn qed jinżammu ġewwa l-Qorti stess. Il-bini tal-Qorti mhux l-edifiċju ideali biex persuna tinżamm taħt arrest preventiv għal 15-il ġurnata. Apparti hekk, il-Qorti mhix marbuta mat-terminu ta’ 15-il ġurnata biex tiġi appuntata l-kawża imma tista’ ssir wara xahrejn jew tliet xhur oħra.”

Wara li rat u semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Nadine Lia, ċaħdet it-talba minħabba li l-imputat kien diġa’ jgawdi mill-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest u jidher li hemm nuqqas ta’ affidabilita u biża’ ta’ intralċ ta’ provi u li l-vittma għadu ma xehedx.

Il-Qorti osservat ukoll li mhu qed jiġu miksura l-ebda drittjiet tal-imputat fid-dawl li skont l-avviżi legali li nħargu huwa għandu kull dritt li jressaq it-talbiet tiegħu.

Kien għalhekk li ordnat li l-imputat jinżamm taħt arrest preventiv. 

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Alfredo Mangion mentri Refalo kien assistit mill-Avukat Amadeus Cachia.

Ekonomija

Sport