Wednesday, December 25, 2024

Jinżamm arrestat wara li nqabad bid-droga fil-Marsa

Aqra wkoll

Raġel ta’ 28 sena mill-Gambja nżamm arrestat wara li tressaq fil-Qorti fejn ġie mixli bil-pussess tad-droga kannabis, liema droga nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu. 

Sedat Bojang kien mixli wkoll li wettaq reat f’distanza ta’ 100 metru minn perimetru ta’ post fejn normalment jiltaqgħu ż-żgħażagħ. 

L-Ispettur Justine Grech, li mexxiet il-prosekuzzjoni flimkien mal-Ispettur Stacy Gatt, spjegat lill-Qorti kif waqt li l-pulizija kienu qed jagħmlu ronda fil-Marsa, waqqfu lill-imputat u fil-pussess tiegħu nstabet id-droga kannabis. 

Qalet li l-Pulizija elevaw 11-il pakkett li fihom allegatament kien hemm id-droga, flimkien ma’ €30. Kompliet tgħid li minn tfittxija fir-residenza tal-imputat, instabu aktar pakketti tal-plastik li jintużaw fid-distribuzzjoni tad-droga.

Bojan wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrieh u saret talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu. L-Avukat Mario Caruana, li qed jidher għalih, qal li l-klijent tiegħu ddikjara mal-Pulizija li d-droga kienet intenzjonata għall-użu personali tiegħu u se jkun qiegħed jiddefendi lilu nnifsu f’dan ir-rigward.

Min-naħa tagħha, il-Prosekuzzjoni argumentat li r-raġel ma kellux residenza permanenti, iżda kien qed jaqsam akkomodazzjoni ma’ erbat irġiel oħra filwaqt li ma kellux flus. “M’għandu l-ebda xogħol u mhux dejjem iħallas il-kera. Ma nafx jekk jistax jaderixxi mal-kundizzjonijiet tal-Qorti, minħabba li huwa lanqas biss irrispetta r-regoli tal-awtoritajiet tal-immigrazzjoni.”

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Bojang minħabba li ma kellux indirizz fiss u l-biża’ li jista’ jaħrab mill-pajjiż. Huwa baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Ekonomija

Sport