Friday, November 15, 2024

Jittella’ kunċert fl-okkażjoni tal-45 anniversarju mil-kisba tal-Ħelsien

Aqra wkoll

Nhar it-Tlieta 23 ta’ April, ittella’ b’suċċess kunċert organizzat mill-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali fi ħdan Festivals Malta fl-okkażjoni tal-45 anniversarju mill-kisba tal-ħelsien.  Dan il-kunċert ra l-parteċipazzjoni ta’ uħud mill-aqwa talent lokali taħt id-direzzjoni artistika ta’ Paul Abela, li tellgħu spettaklu mill-isbaħ f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi.

Uħud mill-kantanti kienu jinkludu lil Mary Spiteri, Ludwig Galea, Jasmine, Dario Bezzina, JANVIL, Jade, Tiziana u Klinsmann Coleiro. Antonella Axisa u Clare Agius ippreżentaw is-serata u ħadu l-udjenza lura fiż-żmien f’lejla ta’ nostalġija b’dak kollu li hu Malti.

L-artisti ppreżentaw lejla ispirata mill-aqwa għoxrin kanzunetta tas-sebgħinijiet f’pajjiżna li kienet ġiet preżentata mix-xandar Michael Laus flimkien ma’ diversi kanzunetti Maltin. Is-serata kienet ċelebrazzjoni mhux biss tal-Ħelsien imma ta’ diversi elementi marbuta ma’ aspetti ta’ pajjiżna.

Waqt is-serata tqassmu tifkiriet kommemorattivi mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici lill-membri tal-kumitat organizzattiv li kien twaqqaf mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien il-Perit Duminku Mintoff sabiex jiġu organizzati ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ nhar il-31 ta’ Marzu 1979.

Dan il-kunċert se jintwera mill-ġdid fuq l-istazzjon TVM News+ nhar il-Ħadd 28 ta’ April fid-9pm.

Ekonomija

Sport