FʼĠunju 2024, in-numru taʼ persuni jirreġistraw għax-xogħol kien taʼ 1,169 biex bʼhekk żdied bʼ294 persuna meta mqabbel mal-istess xahar fl-2023.
L-NSO fi stqarrija qalet li dan it-ragħrif mogħti minn Jobsplus juri li, sena għal sena, fʼĠunju 2024 kien hemm żieda taʼ 273 persuna jirreġistraw fl-Ewwel Parti tar-Reġistru tal-Qgħad u żieda oħra taʼ 21 persuna fuq it-Tieni Parti tal-istess reġistru. Iż-żidiet fir-reġistrar dehru fil-gruppi tal-età kollha. L-irġiel kienu jgħoddu mal-71.4% taʼ dawk li kienu qegħdin jirreġistraw.
Sena għal sena, kienu rreġistrati żidiet fit-tliet meded taʼ żmien. Żieda taʼ 34.0%, li tissarraf daqs 257 persuna, kienet irreġistrata fl-għadd taʼ dawk li kienu ilhom jirreġistraw għal anqas minn 21 ġimgħa. L-ammonti taʼ dawk li kienu ilhom jirreġistraw bejn 21 u 52 ġimgħa u tal-oħrajn li kienu fuq ir-reġistru għal iżjed minn sena żdiedu bi 28 u disgħa, rispettivament.
FʼĠunju 2024, in-numru taʼ persuni bʼdiżabbiltà li kienu qegħdin jirreġistraw għax-xogħol żdied bʼ20 meta mqabbel mas-sena taʼ qabel, sabiex laħaq il-246 persuna. L-irġiel kienu jgħoddu 78.0% tal-għadd sħiħ taʼ dawk imniżżlin fir-reġistru tal-qgħad bħala persuni bʼdiżabbiltà.
L-irġiel u n-nisa fuq ir-reġistru tal-qgħad kienu qed ifittxu l-aktar impjiegi taʼ appoġġ klerikali, bʼ24.0% u bi 38.3%, rispettivament.