Friday, April 19, 2024

KEMM AĦNA KOMDI BIS-SENA L-ĠDIDA?

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Ma setax ikun mod ieħor. Għal ħafna, is-sena l-ġdida 2022 qed iġġib magħha biżgħat u inċertezzi. Il-persistenza tal-viru tal-Covid-19 fit-tħarbit sanitarju li ġab miegħu ħolqot sitwazzjoni fejn resqin lejn it-tielet sena ta’ mard infettiv fuq skala dinjija. Fl-isforzi li saru biex nilqgħu għall-effetti tiegħu, nistgħu resqin lejn punt fejn il-finanzi tal-gvernijiet u l-ekonomiji ma jlaħħqux aktar.

X’aktarx li wieħed iħossu l-aktar skomdu f’dan kollu hu minħabba l-fatt li l-gwaj li nqala’ mhux wieħed li persuna jew familja tista’ ssolvi għaliha waħidha. Is-soċjetà sħiħa trid tasal għal “vittorja” fuq l-imxija – u mhux is-soċjetà ta’ pajjiż wieħed jew kontinent wieħed… imma tad-dinja kollha.

Għalkemm kordinament wiesa’ qed isir f’dil-ħidma, ninsabu ’l bogħod sew minn ħidma universali magħquda.

Qatt ma niftakar li bdejna sena ġdida minn dil-qagħda, li lanqas tista’ tqabbilha ma’ xi gwerra mondjali. Jista’ jkun għalhekk li uħud minna ma tantx qed iħossuhom trankwilli b’dal-bidu ta’ sena ġdida.

LEADERS GĦALL-EWROPA

Tidhirli mġebbda l-idea li ċerti ġurnalisti xerrdu dan l-aħħar li bit-tluq tal-kanċellier Merkel, l-Unjoni Ewropea spiċċat bla mexxej. Hu minnu li Merkel serviet jew tqieset li qed isservi ta’ ankra għal kif l-Unjoni żviluppat ċerti oqsma tal-politika tagħha. F’mumenti oħra, bħal fl-aqwa tal-kriżi tar-refuġjati fl-2016, veru, ħadet pożizzjoni qawwija u distinta… għalkemm dan ma ġarax ta’ spiss.

Fir-realtà, Merkel kienet tmexxi “minn wara”. L-ewwel tħalli l-mewġ iħabbat, il-pożizzjonijiet u l-fehmiet jitperrċu u skont fejn jidher li hemm l-aħjar bilanċ ta’ kompromiessi – mhux l-anqas fl-istess pajjiżha – tilgħab imbagħad il-karta tagħha. Fejn telqet għal rasha, bħal fil-każ tal-immigrazzjoni, kellha wara tagħmel żmien tara kif tillipazza għall-effetti ta’ dak li tkun iddeċidiet.

M’inix ngħid li ma kellhiex rwol ċentrali fil-ħidma Ewropea tal-aħħar snin. Imma mil-lanja stess ta’ kif mexxiet dar-rwol, mhuwiex wieħed li ma jistax jimtela’, jekk mhux minn persuna waħda – anke minn diversi personalitajiet, daqqa wieħed, daqqa l-oħra.

SKEDI TA’ KUNTRATTURI

Snin twal ilu ntqal li biex l-industrija tal-bini timmodernizza ruħha tassew, kien jeħtieġ jinżamm reġistru fejn il-kuntratturi jitniżżlu skond klassifika li turi kemm huma kbar jew żgħar, x’finanzi, inġenji u personnel għandhom biex jaħdmu. B’hekk, skond din il-klassifika jidher għal liema kuntratti ta’ appalti fil-bini, privati jew publiċi, ikunu idonei.

Kulħadd qabel ma’ din l-idea u kellha titwettaq. Imma baqgħet fuq l-ixkaffa. Tgħid għaliex?

Dil-ħaġa tfakkarni fir-reġistru tal-artijiet (il-kadast) li kellu jsir – għodda li wieħed jistħajjel hi indispensabbli. Ir-reġistru nbeda fis-sena 1958. Sal-lum, għadu fil-limbu.

Sport