Wednesday, April 24, 2024

“Kif ittieħed ir-ritratt kien intiż biss biex joħloq paniku”

€6.5 miljun f’rinovar u estensjoni fl-Iskola Primarja ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima ddikjara fil-Parlament li fl-Iskola Primarja ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi se jkun qed isir proġett ta’ rinovar u estensjoni li jlaħħaq is-€6.5 miljun.

Huwa stqarr dan meta kien mistoqsi mid-Deputat Laburista Rosianne Cutajar dwar ritratt li ġie ċċirkolat fl-aħħar jiem fuq il-mezzi soċjali meħud fl-istess skola, u x-xogħol li għaddej fiha.

Il-Ministru Grima beda biex qal li f’din l-iskola kien inħass il-ħtieġa li jsir xogħol kemm ta’ estensjoni kif ukoll ta’ manutenzjoni u rinovar. Qal li kienu nħarġu t-tenders neċessarji biex isiru dan ix-xogħol u ġie deċiż, anke wara konsultazzjoni mal-edukaturi, li huma ma jinqalgħux flimkien mal-istudenti minn din l-iskola.

“Wara li tkellimna b’mod intern, anke mal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS) sabiex naraw x’inhi l-aħjar triq ‘il quddiem, ġie deċiż li jkun possibbli li l-istudenti jiġu akkomodati f’nofs skola bin-nofs l-ieħor jibda x-xogħol,” qal il-Ministru Grima.
Huwa qal ukoll li llum stess kien preżenti f’din l-iskola u assigura li kemm l-istudenti kif ukoll l-edukaturi jinsabu sodisfatti bil-livell tal-iskola ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi.

Id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami mbagħad talab lill-Ministru Grima jikkonferma jekk ir-ritratt li ġie ppubblikat hux minnu jew le. Il-Ministru wieġbu li wieħed irid jara l-kamra kollha u mhux biss il-parti li fiha ttieħed ir-ritratt.

“Il-fatt kif ittieħed u ġie użat ir-ritratt kien intiż għal raġuni waħda biex joħloq paniku. Il-manutenzjoni għadha għaddejja u ttieħed fi klassi li sa dakinhar kienet għadha ma laqgħetx student wieħed fiha,” qal il-Ministru Grima li kkonferma li llum daħlu t-tfal tal-Kindergarten fl-iskejjel u fl-istess skola u sabu ambjent sabiħ jilqagħhom flimkien mal-edukaturi tagħhom.

Sport