- Kważi kwart tal-persuni LGBTIQ+ f’Malta jevitaw ċertu żoni minħabba biża’ ta’ aggressjoni fiżika
- 59% tal-persuni LGBTIQ esperjenzaw fastidju fis-sena ta’ qabel l-istħarriġ, li huwa sinifikament ogħla mill-medja tal-UE ta’ 54%.
- 36% tal-individwi LGBTIQ+ f’Malta jevitaw li jżommu idejn is-sieħeb/sieħba tal-istess sess tagħhom fil-pubbliku minħabba l-biża’ ta’ reazzjoni negattiva.
Dan ħareġ minn stqarrija li ġiet ippublikata mill-Moviment għad-Drittijiet LGBTIQ ta’ Malta (MGRM), hekk kif dawn ċaħdu u kkundannaw b’qawwa d-dikjarazzjonijiet li skont il-fehma tagħhom huma qarrieqa, li għamel il-Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista Conrad Borg Manché f’intervista ppubblikata mill-MaltaToday fil-jiem li għaddew.
Huma sostnew li; “fl-intervista, Dr. Borg Manché sostna b’mod falz li l-kapijiet ta’ organizzazzjonijiet bħall-MGRM qablu mar-retorika tiegħu kontra l-ugwaljanza, fejn stqarr: “Kont għidt li b’dawn it-tip ta’ avvenimenti [il-komunità qed turi kemm huma inugwali… u kien hemm kapijiet ta’ organizzazzjonijiet bħall-Moviment għad-Drittijiet tal-Omosesswali ta’ Malta (MGRM) li qablu miegħi.”
Huma iddikjaraw li xtaqu jagħmluha ċara li ma qablu ma’ ebda dikjarazzjonijiet li jdgħajjfu, naqqsu, jew opponew l-inizjattivi tal-Pride. Filwaqt li kkritikaw elementi ta’ kummerċjalizzazzjoni żejda, l-MGRM qalet li xorta tiddefendi u tirrikonoxxi bil-qawwa li l-Pride hija wkoll ċelebrazzjoni tal-ferħ u r-reżiljenza.
Saħansitra, hija qalet; “Kieku l-MGRM kien kontra l-avvenimenti tal-Pride, ma konniex norganizzaw b’mod attiv spazji siguri għall-komunità LGBTIQ+, nikkoordinaw attivitajiet matul il-Ġimgħa tal-Pride ta’ Malta, jew noħroġu b’kburija fit-toroq waqt il-pride week”.
L-MGRM żiedet tgħid; “Il-kummenti ta’ Dr. Borg Manché jikxfu nuqqas ta’ ftehim fundamentali dwar għaliex teżisti l-Pride. Aħna nemmnu li l-Pride hija, u dejjem trid tibqa’, fundamentalment politika. Filwaqt li Malta kisbet tragwardi leġiżlattivi storiċi fuq il-karta, l-aċċettazzjoni soċjali sħiħa fil-prattika għadha ma ntlaħqitx”.
Enfasizzaw li t-theddida għad-drittijiet miksuba b’tant ħidma iebsa mill-komunità tagħhom hija reali, attwali u li xogħolhom hu li jwaqqfuhom milli jkomplu jeskalaw sitwazzjonijiet bħal dawn fil-pajjiż.
L-MGRM tkellmet ukoll fuq il-Pride Week, fejn saħqet li bħal kull avveniment pubbliku li jattendu eluf ta’ nies, in-nies jesprimu lilhom infushom b’ħafna modi. Il-kburija hija wkoll ċelebrazzjoni. Qalet li din il-viżibilità tappartjeni lil kulħadd: inklużi familji tal-qawsalla u alleati, artisti drag ta’ kull ġeneru, nies ta’ kull età u individwi li jesprimu l-awtonomija fiżika tagħhom.
Tenniet tgħid; “Billi ngħallmu lit-tfal dwar id-diversità, l-empatija, u r-rispett minn età żgħira, inħejjuhom biex jgħixu f’soċjetà pluralistika u nipprevjenu t-tnissil tal-preġudizzju”


