Thursday, October 10, 2024

L-ABBANDUN FL-AFGANISTAN

Aqra wkoll

Analiżi internazzjonali minn Ruben Briffa

Bħalissa, id-dinja kollha qiegħda ssegwi dak li qiegħed jiġri fl-Afganistan. Il-filmati tal-membri tat-Taliban qegħdin jerġgħu jqajmu f’moħħ in-nies l-inkobu ta’ Bin Laden u t-terroriżmu Iżlamiku. Aktar importanti minn hekk, l-waqgħa tal-gvern Afgan u l-kisba mill-ġdid tal-poter mit-Taliban qiegħed iqajjem ħafna mistoqsijiet fuq id-deċiżjoni li kien ħa Donald Trump u li ġiet implimentata minn Joe Biden li jneħħi t-truppi Amerikani minn dan il-pajjiż. Din id-deċiżjoni ġabet fix-xejn 20 sena ta’ sagrifiċċji li skont George W. Bush, il-president Amerikan li kien bagħat it-truppi fl-Afganistan wara l-attakk fuq it-Twin Towers, lura fil-11 ta’ Settembru tal-2001, kellhom idaħħlu d-demokrazija f’dan il-pajjiż.

Min huma t-Talibani

It-Taliban, li bil-lingwa lokali tfisser studenti, tfaċċaw fix-xena fit-tramuntana tal-Pakistan, pajjiż ġar tal-Afganistan fil-bidu tas-snin disgħin wara li dik il-ħabta kienu telqu mill-Afganistan it-truppi Sovjetiċi wara konflitt twil u mdemmi. Jingħad li l-ewwel membri tat-Taliban ġew indottrinati sabiex saru l-Iżlamisti estremi kif nafuhom illum minn reliġjużi u politiċi mill-Għarabja Sawdita. 

L-għan ewlieni tat-Taliban sa mit-twaqqif tiegħu kien li jdaħħa ix-Sharia, li huwa l-mod tagħhom ta’ kif iħaddmu r-reliġjon Iżlamika b’mod estrem għall-aħħar f’reġjun li jkopri meded ta’ art kemm fil-Pakistan, kif ukoll fl-Afganistan, magħruf bħala l-Pashtun. Ix-Sharia tinvolvi ħafna restrizzjonijiet fuq il-libertajiet tal-bniedem. Fost l-aktar miżuri tax-Sharia li huma l-aktar magħrufa mid-dinja tal-punent wieħed jista’ jsemmi li kull raġel huwa obbligat li jħalli d-daqna u ħafna restrizzjonijiet fuq il-mod ta’ kif jgħixu n-nisa fosthom l-ilbies tal-famuża burka, kif ukoll limitazzjonijiet kbar fl-edukazzjoni li jistgħu jieħdu l-bniet.

F’nofs is-snin disgħin, it-Talibani bdew jaħtfu taht idejhom diversi bliet fl-Afganistan sabiex fl-1996 huma invadew il-kapitali Kabul. Dan għamluh wara li rebħu l-battalja kontra t-truppi leali lejn Burhanuddin Rabbani, il-President Afgan ta’ dak iż-żmien, wara li dan kien mexxa lill-mujahideen fil-gwerra kontra l-Unjoni Sovjetika. Sal-aħħar tas-snin disgħin, it-Taliban kellhom taħt idejhom aktar minn 90% tal-Afganistan.

L-ewwel snin tat-tmexxija tat-Talibani fl-Afganistan jidhru li kienu pjuttost tajbin għaliex huma kabbru l-popolarità tagħhom mal-poplu. Dan għamluh billi qerdu ħafna mill-korruzzjoni li kien hemm fi żmien it-tmexxija tal-mujahideen u qerdu l-ħafna milizzji li kienu jwerwru lill-poplu.

Però aktar ma beda jgħaddi ż-żmien, it-Talibani bdew idaħħlu ħafna liġijiet li tefgħu lil dan il-poplu lura fil-Medju-Evu. Dawn kien jinkludu eżekuzzjonijiet pubbliċi anke għal min kien jinstab ħati ta’ adulterju u amputazzjoniet tal-idejn lil min ikun instab ħati ta’ serq. Barra minn hekk, it-Talibani kienu bdew kampanja ta’ distruzzjoni ta’ monumenti storiċi li huma kienu jqisu li huma kontra r-reliġjon tagħhom bħal dawk tal-Buddi ta’ Bamiyan, statwi enormi tal-ġebel li kienu ilhom jeżistu għal eluf tas-snin u li t-Talibani kienu splodewhom fl-2001. It-Talibani kienu dahlu ligijiet li permezz tagħhom il-poplu Afgan la seta’ jara films u lanqas jisma’ l-mużika.

Ta’ min jgħid ukoll li l-uniku tliet pajjiżi li kienu rrikonoxxew lit-Taliban bħala l-gvern legittimu tal-Afganistan kienu l-Għarabja Sawdita u l-Pakistan li fihom il-membri tat-Taliban kienu ħadu t-taħriġ reliġjuż u militari, kif ukoll l-Emirati Għarab Magħquda. Però, wara li dawn bdew jaraw lit-Taliban bħala theddida għalihom ukoll, it-tliet pajjiżi li semmejna waqqfu r-relazzjonijiet diplomatiċi mat-Taliban.

Il-gwerra fl-Afganistan

L-attenzjoni tal-pajjiżi tal-punent u l-alleati tagħhom tpoġġiet direttament fuq it-Talibani wara l-attakk tal-al-Qaeda fuq it-Twin Towers fl-2001. Dan minħabba li t-Talibani kienu ġew akkużati mill-Istati Uniti li kienu qegħdin jaħbu lil Bin Laden il-mexxej tal-al Qaeda ġewwa l-Afganistan.

L-attakki fuq it-Talibani mill-Istati Uniti u l-alleati tagħhom bdew f’Ottubru tal-2001 u sal-aħħar ta’ dik is-sena, ir-reġim tat-Talibani fl-Afganistan kien waqa’. Il-mexxejja ewlenin tat-Talibani jingħad li komplew imexxu l-attakki fuq il-gvern il-ġdid Afgan u t-truppi tal-punent mill-Pakistan, attakki li komplew jiżdiedu matul dawn l-aħħar 20 sena.

Wara diversi xhur ta’ diskussjonijiet, l-Istati Uniti u t-Talibani laħqu ftehim li t-truppi Amerikani kellhom iħallu l-Afganistan sa Settembru tal-2021. Matul dawn id-diskussjonijiet u fix-xhur ta’ wara l-ftehim, kien hemm sinjali ċari ta’ x’kien sejjer jiġri wara t-tluq tal-Amerikani. Dan għaliex it-Talibani bdew kampanja ta’ assassinji ta’ ġurnalisti, imħallfin, attivisti u ta’ politiċi nisa. Għal min ried jara, dawn kienu indikazzjoni ċara li l-ideoloġija tat-Talibani ftit kienet inbidlet minn dik li kienu jħaddnu lura fis-snin disgħin.

Minkejja t-twissijiet tal-gvern Afgan li it-tluq tat-truppi Amerikani kien sejjer jerġa’ jagħti l-poter lit-Talibani, Joe Biden kompla għaddej bil-froġa li kien għamel il-predeċessur tiegħu u kkonferma li sal-11 ta’ Settembru ta’ din is-sena, it-truppi Amerikani kollha kien sejrin ikunu lura d-dar.

L-Afganistan lura f’idejn it-Talibani

It-Talibani rnexxielhom jieħdu mill-ġdid l-Afganistan taħt idejhom litteralment fi ftit jiem. Huma ħadu l-ewwel provinċja fis-6 ta’ Awwissu sabiex sal-15 ta’ Awissu huma daħlu f’Kabul. 

Dan wassal sabiex Ashraf Ghani, il-President Afgan ħarab minn pajjiżu. Jingħad li għexieren ta’ eluf ta’ nies qegħdin jipprovaw jaqsmu l-fruntieri sabiex jaħarbu mill-qilla tat-Talibani. Sadanittant, rapporti fil-media internazzjonali qegħdin jgħidu li t-Talibani qegħdin jarrestaw numru kbir ta’ persuni u kien hemm anke rapporti ta’ torturi fil-ħabsijiet.

Fl-isfond tal-kaos li hemm bħalissa fl-Afganistan, wieħed ma jistax ma jistgħaġibx kif l-Istati Uniti ħadu din id-deċiżjoni li jħallu lill-poplu Afgan waħdu f’dan il-mument hemm kritiku. F’20 sena ta’ konflitt, l-Istati Uniti nefqu aktar minn żewġ triljun dollaru jew 300 miljun dollari kuljum. L-Istati Uniti u l-alleati tagħhom tilfu kważi erbat elef suldat f’dan il-konflitt. Madwar 20,000 suldat Amerikan sfaw feruti f’din il-gwerra. Dawn is-sagrifiċċji kollha sfumaw fix-xejn b’daqqa ta’ pinna ta’ Donald Trump u ta’ Joe Biden.

Sport