F’indirizz li għamel il-Prim Ministru Robert Abela lill-ambaxxaturi ta’ pajjiżna f’missjonijiet diplomatiċi madwar id-dinja, huwa saħaq li r-rappreżentanti ta’ pajjiżna lil hinn minn xtutna għandhom sehem importanti fil-ħidma favur il-prosperità ta’ pajjiżna.
Dr Abela spjega kif pajjiżna għaddej biex ikollu viżjoni ħolistika għall-2050, b’miri intermedjarji għall-għaxar snin oħra. “Din hi viżjoni li fiha nsawru ta’ fejn nixtiequ mmorru u dan l-ippjanar għall-ġejjieni ma jistax jinfatam mill-prijoritajiet internazzjonali ta’ pajjiżna,” saħaq il-Prim Ministru. Qal li l-ekonomija Maltija hi msejsa fuq diversi setturi fosthom anki l-kummerċ internazzjonali, il-prodott turistiku u s-servizzi bħal dawk finanzjarji u ta’ loġistika.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li matul is-sena li għaddiet dawn l-oqsma komplew jissaħħu fil-kontribut tagħhom lejn il-valur miżjud nazzjonali u spjega kif l-ambaxxaturi ta’ pajjiżna jridu jkomplu jwasslu messaġġ importanti li Malta se tibqa’ miftuħa għall-kummerċ, għall-investiment barrani li f’Malta se jsib ekosistema ta’ industriji u servizzi li faċli tadatta ruħek fihom.
Il-Prim Ministru nnota kif issa l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin għandu d-dekasteru tat-turiżmu fejn komplejna niksbu suċċess għax Malta hi pajjiż imsejsa fuq il-kapaċità li naħtfu l-opportunitajiet. Il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif pajjiżna se jkompli jservi fil-komunità internazzjonali bil-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa u qal li f’kuntest internazzjonali li qegħdin ngħixu fih irridu nifhmu li hemm sfidi differenti. Hawn semma l-prospett tal-paċi fosthom fil-Mediterran.
Qal li l-leħen ta’ Malta madwar id-dinja għandu jkompli jinstema’ u pajjiżna jistenna li l-ambaxxaturi tagħna jkomplu jagħtu dan il-kontribut importanti b’mod effettiv. Il-Prim Ministru Robert Abela temm jirringrazzja lill-ambaxxaturi għall-ħidma tagħhom b’ħila u mpenn b’risq il-poplu Malti u Għawdxi.
Wara l-Prim Ministru tkellem id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, li rrimarka li minkejja diversi sfidi internazzjonali, is-sena 2024 kienet sena notevoli għal Malta fix-xena globali, u saħaq dwar il-kisbiet tal-pajjiż fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Maqgħuda u tal-OSCE, fost oħrajn. Malta issa qed tħejji għas-sitt xhur tal-Presidenza tagħha fil-Kunsill tal-Ewropa, bejn Mejju u Novembru ta’ din is-sena, b’enfasi fuq il-vuċi taż-żgħażagħ, il-protezzjoni tat-tfal u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-vjolenza.
B’ħarsa għall-ġejjieni, Dr Borg qal, “Qegħdin issa nibdew il-preparamenti biex nippreżentaw il-kandidatura ta’ Malta bħala membru fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem għat-terminu 2032-2034. Malta qatt ma serviet fuq dan il-Kunsill importanti qabel, u din il-kandidatura turi l-impenn tagħna għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem għas-snin li ġejjin.”