Saturday, December 28, 2024

“L-ambjent se jkun qed jingħata prijorità … irridu inqas traffiku, aktar żoni ħodor u riservi”

Ambjentalisti dwar l-approvazzjoni tal-Partnership Agreement ma’ Malta mill-Kummissjoni Ewropea

Aqra wkoll

“Bla dubju li l-aħbar li smajna fl-aħħar sigħat li ġie approvat il-Partnership Agreement ma’ Malta mill-Kummissjoni Ewropea hi aħbar pożittiva. Hi aħbar li timlina b’ċertu tama, li fis-snin li ġejjin naraw aktar inizjattivi b’risq l-ambjent. Bħala ambjentalist nistennew aktar riservi naturali, aktar riservi marittimi. Qegħdin fuq kollox nistennew aktar proġetti li jħaddru l-ibliet u l-irħula tagħna. Nemmen li dawn huma fondi li bihom se titjieb il-kwalità tal-ħajja jekk isiru proġetti li verament jaffettwaw il-ħajja tan-nies. Minn dak li qegħdin nisimgħu u anke minn sorsi qrib il-gvern jidher li se jkun hemm imbuttatura biex l-ambjent ta’ dan il-pajjiż jitpoġġa fuq in-naħa ta’ fuq tal-aġenda.  Li rridu nagħmlu hu li nħarsu madwarna u naraw eżattament x’għandna. Kju u traffiku ma jaqta xejn. Ir-riservi naturali jew żoni bis-siġar huma limitati f’dan il-pajjiż.  Nemmen li mhu biss għandna nżidu r-riservi imma nibdew naħdmu biex iċ-ċentri tal-ibliet  u l-irħula nagħmluhiom pedonali u anke jitħawwlu s-siġar. Hemm proġetti li kienu ssemmew u baqgħu fuq il-karta fosthom fuq kif għandha ssir il-promendade tal-Gżira, li tingħata lura lin-nies u Triq Sant Anna.  L-ispazju fuq il-mini ta’ Santa Venera u anke t-triq ewlenija tal-Marsa li jistgħu faċilment jiġu msaqqfa u fuqhom isiru spazji ħodor”.

Dan kien il-kumment li għaddielna ambjentalist, dwar l-approvazzjoni tal-partnership agreement ma’ Malta. Saħaq ukoll li “ma dawn irridu naraw li nnaqqsu il-pressjoni fuq l-art. Illum l-art tagħna ma tiflaħx aktar pressjoni ta’ bini. Jista’ jkollna proġetti ta’ akkomodazzjoni b’aktar sens u b’aktar innovazzjoni u dan anke fejn jidħol l-akkomodazzjoni għal barranin f’pajjiżna. Nemmen ukoll li bi trasport pubbliku bla ħlas u forsi b’ħinijiet aħjar filgħaxija, it-traffiku f’pajjiżna għandu jibqa’ jonqos. Nemmen li mhux sostenibbli l-mod kif qed jiżdiedu l-karozzi f’pajjiżna”.

Intant  fl-aħħar sigħat tħabbar li Malta se tingħata €817-il miljun f’fondi Ewropej għas-snin 2021-2027 biex inkomplu nwettqu proġetti favur il-kompetittività u l-innovazzjoni, proġetti favur l-ambjent u l-ekonomija ċirkolari, u proġetti soċjali. Dan wara li l-Kummissjoni Ewropea approvat il-Partnership Agreement ma’ Malta wara taħdidiet mal-Gvern Malti.

Il-prijoritajiet u l-investimenti li se jkun qiegħed iwettaq il-Gvern Malti ġew approvati mill-Kummissjoni Ewropea fil-Partnership Agreement ta’ Malta għas-snin 2021-2027. Dan iffisser li meta żżid l-allokazzjoni li joħroġ il-Gvern Malti mat-€817-il miljun li se ningħataw f’fondi Ewropej, b’kollox se nwettqu mal-€1.2 biljun f’investimenti u proġetti, f’Malta u Għawdex, f’dawn l-oqsma. Dawn huma proġetti li se jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies u joħolqu aktar attività ekonomika li twassal għal opportunitajiet ta’ ħolqien ta’ impjiegi ġodda, li jinħolqu setturi ekonomiċi innovattivi, u aktar tkabbir ekonomiku.Il-Partnership Agreement li qablet fuqu il-Kummissjoni Ewropea biex pajjiżna jingħata €817-il miljun f’fondi jinkludi il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il- Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, il-Fond Soċjali Ewropew, u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura.Il-Kummissarju Ewropew għall-Koeżjoni u r-Riformi Elisa Ferreira qalet li bl-approvazzjoni tal-Partnership Agreement, bil-proġetti li se twettaq, Malta għamlet pass ieħor ‘il quddiem fl-isforzi tal-Unjoni Ewropea li noffru proġetti ta’ prosperità, aktar inklużjoni, u proġetti li se jgħinu fi tranżizzjoni lejn ambjent aktar nadif u tranżizzjoni diġitali.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Impjiegi u Affarijiet Soċjali  u l-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, l-Oċeani u s-Sajd Virginijus Sinkevičius innotaw b’mod pożittiv li bil-prijoritajiet li għandha Malta se tkompli ttejjeb l-inklużjoni soċjali, se jinħolqu aktar opportunitajiet, u se jsir titjib fis-settur tas-sajd u l-akkwakultura.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett laqa’ b’sodisfazzjoni l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea u sostna li jħares ‘il quddiem, biex fix-xhur li ġejjin pajjiżna jibda jimplimenta l-proġetti u l-investimenti li l-gvern qiegħed jinnegozja mal-Kummissjoni Ewropea. 

Chris Bonett stqarr li pajjiżna mistenni jkompli fuq is-suċċess tal-programm ta’ fondi Ewropej ta’ qabel, u jħares ‘il quddiem għall-programm tal-fondi Ewropej il-ġdid sabiex pajjiżna jkompli joħloq aktar opportunitajiet biex inkabbru l-ekonomija tal-pajjiż.

Ekonomija

Sport