L-assoċjazzjonijiet sportivi jilqgħu bi ħġarhom il-miżura tal-għaxart ijiem leave sportiv imħallas għall-atleti u uffiċjali

Aqra wkoll

L-assoċjazzjonijiet sportivi laqgħu bi ħġarhom il-miżura tal-għaxart ijiem leave sportiv imħallas għall-atleti u uffiċjali imħabbra fil-Budget, nhar it-Tnejn li għadda.

Dwar dan, dan il-ġurnal ħa r-reazzjonijiet tal-Malta Football Association (MFA), il-Malta Basketball Association (MBA), Aquatic Sports Association of Malta (ASA) u Athletics Malta.

Il-President tal-Malta Football Association, Bjorn Vassallo, laqa’ b’sodisfazzjon il-miżura mħabbra fil-Budget 2027 li permezz tagħha atleti elite li jirrappreżentaw lil Malta f’kampjonati Ewropej jew mondjali se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn għaxart ijiem leave imħallas relatat mal-impenji sportivi tagħhom.

Il-miżura, li għandha tinkludi wkoll membri tat-timijiet tekniċi u mediċi li jakkumpanjaw lill-atleti, għandha tgħin sabiex dawk li jirrappreżentaw lil pajjiżna fuq livell internazzjonali ma jkollhomx għalfejn jużaw il-leave personali tagħhom biex jagħmlu dan.

F’intervista ma’ dan il-ġurnal, Vassallo spjega li din hija inizjattiva li l-MFA ilha temmen fiha u li tista’ tkompli ssaħħaħ il-proċess lejn aktar professjonalità fil-futbol u fl-isport Malti.

“Matul dawn l-aħħar snin u anke fl-aħħar xhur rajna progress importanti fil-futbol tagħna, partikolarment fuq livell internazzjonali,” qal Vassallo.

Skont il-President tal-MFA, il-progress li jsir fil-qasam sportiv ma jistax jiġi attribwit għal fattur wieħed biss, iżda huwa frott ta’ struttura, ippjanar u kollaborazzjoni bejn diversi msieħba.

“Naħseb li l-Gvern kompla jemmen fil-kapaċità tal-futbol Malti u fl-isport Malti. Minn dak li smajna fil-Budget hemm kuraġġ u enerġija biex inkomplu mexjin ’il quddiem. Ir-riżultati fl-isport ma jiġux waħedhom. Irid ikollok imsieħba u jrid ikun hemm ħidma flimkien mal-Gvern ċentrali u mal-entitajiet differenti.”

Vassallo qal li l-introduzzjoni ta’ inċentivi bħal dawn tista’ tgħin lill-assoċjazzjonijiet sportivi jgħollu l-livell tagħhom, partikolarment f’ambjent fejn l-isport internazzjonali qiegħed isir dejjem aktar professjonali.

Il-miżura tal-għaxart ijiem leave għandha importanza partikolari għall-atleti Maltin li, minkejja li jkunu qed jirrappreżentaw lil pajjiżhom fuq livell internazzjonali, ħafna drabi jkollhom ukoll impjieg full-time.

“Din kienet proposta li l-MFA kienet imbuttat ’il quddiem,” spjega Vassallo. “Irridu noħolqu sitwazzjoni fejn il-plejers tat-timijiet nazzjonali jkunu jistgħu jagħtu l-impenn tagħhom mingħajr ma jkollhom għalfejn jużaw il-leave personali kollu tagħhom.”

Huwa sostna li fil-passat kien hemm sitwazzjonijiet fejn plejers u persuni oħra involuti mat-timijiet nazzjonali sabuha diffiċli biex ilaħħqu bejn l-obbligi tax-xogħol u dawk sportivi.

Meta wieħed iqis safar, kampijiet ta’ taħriġ, preparazzjoni u l-partiti nfushom, l-impenn internazzjonali jista’ jieħu numru konsiderevoli ta’ ġranet matul sena.

“Il-leave li persuna jkollha fis-settur privat mhux dejjem ikun biżżejjed biex tkopri l-impenji kollha li jiġu meta tkun parti minn tim nazzjonali. Għalhekk inizjattiva bħal din hija tajba ħafna. Tgħin ukoll biex l-atleta jkollu aktar serħan tal-moħħ u jkun jista’ jikkonċentra fuq dak li għandu jagħmel.”

Għal Vassallo, dan mhux sempliċement benefiċċju amministrattiv għall-atleti iżda parti mill-proċess biex Malta tkompli tgħolli l-istandards tagħha.

“Pass bħal dan iżid il-professjonalità tal-atleti Maltin,” sostna l-President tal-MFA.

Huwa enfasizza li meta atleta jkun qed jipprepara għal impenn internazzjonali, il-preparazzjoni ma tibdiex u tispiċċa fid-90 minuta ta’ partita. Hemm xogħol fiżiku, tekniku u mentali li jrid isir sabiex il-plejer ikun fl-aħjar kundizzjoni possibbli.

Dan huwa wkoll marbut mal-kunċett ta’ dak li bl-Ingliż jissejjaħ player welfare, qasam li Vassallo jemmen li għandu jkompli jingħata prijorità.

“Irridu nibqgħu nsaħħu l-benesseri tal-plejers. Irridu npoġġu lill-plejers u lill-istaff tagħna fl-aħjar kundizzjoni possibbli, kemm fiżikament, mentalment kif ukoll teknikament, sabiex ikunu jistgħu jagħtu prestazzjoni ta’ livell aħjar.”

Vassallo rrimarka li l-progress li sar mill-futbol Malti ma seħħx b’kumbinazzjoni.

“Meta nitkellmu fuq ir-riżultati, dawn ma ġewx waħedhom. Warajhom hemm struttura u pjan fit-tul. L-għan tagħna huwa li nkunu kapaċi nikkompetu ma’ timijiet li tradizzjonalment kienu meqjusa fuq livell ogħla minna.”

Il-President tal-MFA jemmen li l-miżura mħabbra fil-Budget għandha titqies bħala parti minn grupp usa’ ta’ inizjattivi li jistgħu jgħinu lill-isport Malti jimxi lejn livell aktar professjonali.

Huwa semma kif f’dawn l-aħħar snin mhux biss il-futbol kiseb riżultati pożittivi, iżda kien hemm ukoll kisbiet f’dixxiplini oħra, fosthom il-waterpolo u r-rugby.

“Qed naraw ħafna riżultati tajbin minn diversi dixxiplini. Dan huwa wkoll frott tal-investiment li sar u tal-istrutturi li qed jinħolqu. Issa rridu nkomplu nibnu fuqhom.”

Għall-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol, il-ħidma biex jogħla l-livell tal-futbol Malti tinkludi wkoll investiment f’oqsma li mhux dejjem ikunu viżibbli għall-pubbliku.

Vassallo rrefera għall-importanza ta’ proġetti tekniċi u x-xjenza sportiva, li llum saru parti essenzjali mill-preparazzjoni ta’ atleta modern.

Analiżi tad-data, preparazzjoni fiżika, nutrizzjoni, irkupru, psikoloġija sportiva u monitoraġġ tal-kundizzjoni tal-plejers huma kollha elementi li qed isiru dejjem aktar importanti fil-futbol internazzjonali.

Għal pajjiż żgħir bħal Malta, qal Vassallo, huwa importanti li r-riżorsi disponibbli jintużaw bl-aktar mod effettiv possibbli sabiex jitnaqqas id-distakk minn pajjiżi b’popolazzjonijiet u riżorsi ferm akbar.

Il-President tal-MFA temm billi saħaq li l-miżura tal-Budget 2027 għandha tkun element ieħor fi proċess kontinwu ta’ investiment fl-atleta.

“Fl-aħħar mill-aħħar irridu nagħtu lill-atleti tagħna l-aħjar kundizzjonijiet possibbli biex jirrappreżentaw lil Malta. Jekk nagħtuhom l-istruttura, l-appoġġ u s-serħan tal-moħħ meħtieġ, inkunu qed nagħtuhom opportunità aħjar biex jagħtu prestazzjoni ta’ livell għoli.”

Għal Vassallo, għalhekk, l-għaxart ijiem ta’ leave sportiv imħallas mhumiex biss benefiċċju ġdid għall-atleti elite, iżda pass ieħor lejn kultura sportiva aktar professjonali, fejn min jintgħażel biex jirrappreżenta lil Malta jkun jista’ jiffoka aktar fuq il-preparazzjoni u l-prestazzjoni tiegħu mingħajr ma jkollu jissagrifika l-leave personali tiegħu.

Intant, tkellimna wkoll mal-President tal-ASA, Karl Izzo, li qal li l-ASA tilqa’ b’mod pożittiv ħafna l-miżura mħabbra fil-budget tal-bieraħ li atleti elite jingħataw sa’ għaxar t’ijiem leave bi ħlas. Din hi miżura li flimkien ma’ appoġġ ieħor li ningħataw mill-awtoritajiet qed tirrikonoxxi l-isforzi li jagħmlu l-atleti tagħna, kif ukoll it-timijiet professjonali li jagħtuhom appoġġ. Fil-fatt, l-ASA tilqa’ wkoll l-aħbar li dan il-leave se jingħata wkoll lit-tim tekniku u mediku. Dawn huma sinjali pożittivi li juru li l-isport Malti qed iħares lejn livelli ogħla liema livelli qed isibu l-appoġġ meħtieġ. 

L-ASA tħares ukoll ‘il quddiem lejn iżjed ħidma fil-qasam tal-isport akwatiku, f’investimenti kemm infrastrutturali, kif ukoll fl-iżvilupp tal-għawwiema ta’ pajjiżna.

Dan filwaqt li Athletics Malta laqgħet ukoll b’sodisfazzjon it-tħabbira tal-Gvern fid-diskors tal-Baġit dwar l-introduzzjoni ta’ għaxart ijiem ta’ leave sportiv għall-atleti elite eliġibbli, kif ukoll għall-persunal tekniku u mediku li jakkumpanjahom, li huma impjegati fis-settur privat, meta jkunu qed jirrappreżentaw lil Malta f’kompetizzjonijiet internazzjonali ewlenin.

Din il-miżura tirrikonoxxi l-impenn meħtieġ mill-atleti li jridu jibbilanċjaw ir-responsabbiltajiet professjonali tagħhom mal-ħtiġijiet tal-kompetizzjoni fl-ogħla livell f’isem pajjiżhom. Dan l-inċentiv jasal fi żmien meta Athletics Malta qed taħdem biex tikseb aktar investiment u appoġġ għall-atletika, filwaqt li qed tiżviluppa inizjattivi ġodda b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport u SportMalta.

Dwar dawn l-iżviluppi, il-President ta’ Athletics Malta, Mario Bonello, qal:

“Li jiġi rikonoxxut l-impenn tal-atleti permezz ta’ miżuri bħall-leave sportiv, flimkien ma’ investiment kontinwu fl-infrastruttura, huwa pass importanti ’l quddiem. Dawn l-iżviluppi jikkumplimentaw l-isforzi tagħna biex noħolqu aktar opportunitajiet għall-atleti Maltin jikkompetu fuq livell internazzjonali u biex Malta tospita avvenimenti ewlenin. Billi ninvestu fl-atleti tagħna u nsaħħu l-faċilitajiet, nistgħu nżidu l-profil tal-atletika f’Malta, nibnu fuq il-kisbiet tagħna fix-xena internazzjonali u nispiraw lill-ġenerazzjoni li jmiss.”

Intant, Il-Malta Basketball Association (MBA) fis-snin li għaddew kienet strumentali biex, anke bl-assistenza tal-awtoritajiet ċentrali, jsiru proġetti li jgħollu l-livell fl-infrastruttura sportiva għal kull min jipprattika l-basketball f’Malta. Ma’ dan, l-assoċjazzjoni ħadmet ukoll biex issaħħaħ il-livelli tat-taħriġ fl-etajiet varji tal-players tagħha. Dan kollu qed ikun rifless fir-riżultati pożittivi li l-basketball qed jikseb għal pajjiżna. 

Għalhekk l-MBA temmen li għandha tkun implimentata bla telf ta’ żmien il-miżura mħabbra fil-budget li l-atleti jingħataw sa għaxart ijiem leave bi ħlas. Din hi ta’ importanza għall-players tal-basketball. Ma’ dawn, l-MBA taqbel ukoll fl-importanza li dan il-leave jingħata wkoll lit-tim tekniku u mediku. 

L-MBA tgħid li dan hu pass ieħor importanti li għandu jitpoġġa f’qafas ħolistiku li minnu nkomplu għaddejjin bl-isforzi kollha biex f’Malta tkompli tissaħħaħ il-logħba tal-basketball bil-għan li aktar tfal u żgħażagħ ikollhom ċans jipprattikaw fl-aħjar ambjent possibbli. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport