Darren Debono magħruf bħala “t-Topo” kien ikkundannat 10 snin u sitt xhur ħabs wara li ammetta l-involviment tiegħu fl-attentat ta’ hold-up fuq il-bank tal-HSBC f’Ġunju tal-2010.
Dan l-iżvilupp seħħ wara li ntlaħaq qbil bejn l-Avukat ta’ Debono u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għas-sentenza li kellha tingħata. Minbarra s-sentenza ta’ ħabs, Debono kien ukoll immultat €18,000 u iktar minn €11,000 fi spejjeż tal-Qorti.
L-Avukat Edward Gatt, li assista lil Debono, iddikjara li l-klijent tiegħu kien qed jirrinunzja mid-dritt tal-appell.
L-Avukati Giannella Busuttil u Francesco Refalo dehru f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Debono, Vincent Muscat magħruf bħala l-Koħħu u Fabio Psaila magħruf bħala “l-Ġeneral” kienu mixlija bl-attentat ta’ hold-up. Dakinhar kienu ġew sparati divesi tiri bejn il-ħallelin u l-pulizija.
L-ammissjoni ta’ Debono saret qabel beda l-ġuri ta’ Muscat dwar l-istess każ. L-istess ġuri ġie pospost.