Monday, November 11, 2024

L-awtur rebbieħ tal-Booker Prize Paul Lynch se jieħu sehem fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2024

Aqra wkoll

L-awtur Irlandiż Paul Lynch, li l-ktieb tiegħu Prophet Song rebaħ il-premju prestiġjuż Booker Prize fl-2023, huwa l-mistieden speċjali fl-edizzjoni tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2024. L-avveniment huwa organizzat mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK) u se jsir fil-Malta Fairs & Conventions Centre (MFCC), Ta’ Qali, minn nhar l-Erbgħa 6 sal-Ħadd 10 ta’ Novembru. Il-parteċipazzjoni ta’ Paul Lynch saret possibbli bil-ħidma tal-Ambaxxata Irlandiża f’Malta.

Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Librerija Nazzjonali, il-Belt Valletta.

Fl-intervent tiegħu, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima faħħar il-ħidma tal-KNK tal-organizzazzjoni ta’ dan il-festival, li qed jikber minn sena għal oħra u jipprovdi pjattaforma biex il-kultura tal-ktieb Malti tkompli tiffjorixxi.

“Il-fatt li l-Festival jattira ammont sabiħ ta’ viżitaturi u parteċipanti juri kemm il-ktieb Malti huwa importanti fil-kultura tagħna. Inizjattivi bħal dawn jiżguraw li nkomplu nkunu kburin bil-prodott lokali tagħna. Naf bħala missier kemm huwa sabiħ tara t-tfal jieħdu pjaċir b’kotba interessanti. Din hija xi ħaġa li għandna nkomplu nrawmu u niċċelebraw, u l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb huwa l-post ideali għal dan,” temm jgħid il-Ministru Grima.

Fl-indirizz tiegħu, iċ-Chairman tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Mark Camilleri semma t-tkabbir kostanti tal-festival, li jkompli jespandi kemm fl-ambitu kif ukoll fl-ambizzjoni tiegħu. “Din is-sena, qed nilqgħu madwar 6,000 student irreġistrati minn skejjel primarji, sekondarji u medji. Il-festival jibqa’ b’xejn għal kulħadd u joffri firxa wiesgħa ta’ attivitajiet. Dawn jinkludu workshops immexxija minn professjonisti tal-industrija, sessjonijiet ma’ aġenti letterarji, u masterclass mill-awtur popolari Anthony Horowitz — li se jingħaqad ma’ Lynch bħala mistieden internazzjonali ieħor ta’ profil għoli,” qal Camilleri. Huwa enfasizza li bħas-snin ta’ qabel, se jkun hemm kamra sensorjali, iddisinjata għal dawk li għandhom bżonn spazju kwiet, grazzi għall-kollaborazzjonijiet ma’ Inspire Malta u APS Bank.

Camilleri esprima s-sodisfazzjon tiegħu bil-prestiġju internazzjonali dejjem jikber tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb, waqt li enfasizza li l-parteċipazzjoni ta’ ismijiet tal-livell ta’ Paul Lynch huwa riflessjoni tal-prestiġju dejjem jikber tal-festival. Huwa rringrazzja lill-kollaboraturi numerużi tal-Festival u semma ż-żieda fin-numru ta’ esibituri u sħab kulturali barranin li qed jikkontribwixxu għas-suċċess tal-avveniment. Camilleri saħaq ukoll dwar l-importanza kruċjali ta’ entitajiet bħall-APS u Inspire Malta, flimkien mal-Energy & Water Agency, Benna u l-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma.

Waqt il-konferenza, l-Ambaxxatriċi Irlandiża f’Malta Caroline Whelan qalet li kien ta’ pjaċir speċjali li tikkollabora mal-KNK fl-isforzi tagħhom biex iġibu lill-aħħar suċċess letterarju internazzjonali tal-Irlanda, Paul Lynch, lejn il-Gżejjer Maltin. Qalet li l-ktieb tiegħu Prophet Song kien l-iktar ktieb mibjugħ fl-Irlanda fl-2023, u li issa Lynch qed jingħaqad ma’ tradizzjoni illustri ta’ awturi Irlandiżi rebbieħa tal-Booker Prize, fosthom Iris Murdoch, John Banville, Roddy Doyle, Anne Enright u Anna Burns, li “jdawlu t-talent letterarju straordinarju li jkompli joħroġ mill-pajjiż”.

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb se jsir fil-Malta Fairs & Conventions Centre (MFCC), Ta’ Qali minn nhar l-Erbgħa 6 sal-Ħadd 10 ta’ Novembru. Għall-programm sħiħ u aktar informazzjoni żur ktieb.org.mt  u l-paġni ta’ Facebook u Instagram tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb.

Sport