Wednesday, December 25, 2024

L-ekonomija Maltija mistennija tikber b’4.3% fl-2025

Aqra wkoll

Il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana beda biex qal li l-iżviluppi li jseħħu madwar id-dinja, kemm jekk huma ta’ natura ekonomika, kemm jekk huma ta’ natura fiskali u anke dawk politiċi, jinfluwenzaw lill-pajjiżi kollha, inkluż lil Malta.

Huwa spjega li skont it-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea, l-ekonomija tal-Unjoni Ewropea mistennja tikber b’1% u 1.6% fl-2024 u fl-2025 rispettivament. Filwaqt li l-ekonomija taż-żona tal-ewro mistennija tikber b’0.8% fl-2024 u 1.4% fl-2025.

Skont l-istess tbassir, Malta mistennija tesperjenza l-akbar tkabbir ekonomiku fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fis-snin li ġejjin. L-inflazzjoni hija mbassra li tkompli tonqos fejn fl-Unjoni Ewropea mistennija tonqos minn 6.4% fl-2023 għal 2.7% fl-2024 u 2.2% fl-2025.

Il-Ministru Caruana ħabbar ukoll li għar-raba’ sena konsekuttiva, il-Gvern se jerġa’ jiffinanzja s-sussidji fuq il-prezzijiet tal-enerġija, il-fjuwils u ċ-ċereali, dqiq u l-għalf tal-annimali.

Ir-ritmu pożittiv tal-ekonomija mistenni jippersisti fis-snin li ġejjin hekk kif huwa previst li sal-aħħar tas-sena l-ekonomija tkun kibret b’4.9% f’termini reali, bid-domanda domestika mistennija tkun il-mutur ewlieni ta’ dan it-tkabbir.

Is-sena d-dieħla, l-ekonomija Maltija hi mbassra li tikber b’4.3% f’termini reali u b’7% f’termini nominali. Fejn id-domanda domestika mistennija tibqa’ l-mutur ewlieni tat-tkabbir ekonomiku b’kontribut ta’ 3.4 punti perċentwali.

Dan it-tkabbir mistenni jkun rifless fis-suq tax-xogħol ukoll, hekk kif iż-żieda fl-impjiegi mistennija tkun ta’ 4.6% fl-2024 u 4.1% fl-2025. L-inflazzjoni mistennija tbatti għal 2.5% fl-2024 u 2.1% fl-2025.

Skont l-indiċi tal-prezzijiet, il-kumpens għall-għoli tal-ħajja għas-sena d-dieħla se jkun dak ta’ €5.24 fil-ġimgħa. Il-Ministru Caruana Fakkar li l-istudenti wkoll se jgawdu miż-żieda pro-rata tal-COLA fl-istipendji.

B’riżultat tal-ftehim storiku milħuq is-sena li għaddiet bejn il-Gvern u l-imsieħba soċjali, is-sena d-dieħla l-paga minima nazzjonali se tiżdied b’€8.24 fil-ġimgħa u se tilħaq il-€221.78 fil-ġimgħa. Huwa fakkar ukoll li l-paga minima f’pajjiżna se tibqa’ ma tiġix intaxxata.

Ekonomija

Sport