Wednesday, December 25, 2024

“L-ekonomija ta’ għada titlob kwalità mhux kwantità”

Aqra wkoll

Meta kien qed jitkellem dwar it-turiżmu, il-Ministru Caruana qal li għal snin twal l-isfida ewlenija għal dawk li kienu joperaw fl-industrija tat-turiżmu f’Malta kienet li nattiraw biżżejjed volumi ta’ turisti.

Tenna li: “l-ekonomija ta’ għada titlob kwalità mhux kwantità. Fl-aħħar snin wessajna l-istaġjonalità sabiex illum nattiraw it-turisti matul l-erba’ staġuni, tant li sal-aħħar ta’ din is-sena l-iljieli mqatta’ f’pajjiżna jilħqu t-22 miljun lejl.”

Spjega wkoll li għall-ewwel darba l-kontribut turistiku fl-ekonomija ta’ pajjiżna se jaqbeż it-€3 biljun. Ras għal ras in-nefqa turistiku qiegħda dejjem tiżdied, bl-aħħar riżultati juru li sa Aswwissu ta’ din is-sena n-nefqa kienet telgħet għal €904 kull persuna. B’mod kumulattiv din iż-żieda se tfisser €56 miljun iżjed fl-ekonomija ta’ pajjiżna.

“Qegħdin naħdmu biex permezz tal-integrazzjoni tal-iskills pass fl-industrija tal-ospitalità naraw titjib sostanzjali fis-servizz offrut fir-ristoranti u l-lukandi tagħna kemm għat-turisti lokali u anke dawk barranin.

“Il-kwalità fuq il-kwanità tgħodd ukoll għal Għawdex. Għawdex għandu karatteristiċi uniċi li rridu nippreservaw għax dak huwa l-mod kif iżżomm il-valur u s-sostenibbilità tiegħu. Irridu nkomplu nindirizzaw l-insularità doppja ta’ Għawdex u nibqgħu impenjati li nassiguraw il-konnettività ta’ Għawdex,” tenna l-Ministru Caruana.

Dwar l-Agrikoltura u s-Sajd, huwa spjega li se jingħataw inċentivi lil bdiewa mhux kummerċjali li għandhom raba’ agrikola mikrija lilhom mingħand il-Gvern sabiex jidħlu f’arranġamenti ma’ bdiewa kummerċjali li jkunu lesti jaħdmu dik l-art.

Dan se jkun ikkumplimentat minn proġett pilota fejn art agrikola tkun offruta għal kiri lill-bdiewa ġodda jew dawk li jridu jkabbru l-operat tagħhom fuq il-kunċett tal-prezz ġust u l-kategorizzazzjoni tal-bdiewa.

Is-sena d-dieħla se titwaqqaf l-Awtorità għas-Sigurtà tal-Ikel

Il-Ministru Caruana ħabbar ukoll li s-sena d-dieħla se titwaqqaf l-Awtorità għas-Sigurtà tal-Ikel sabiex ikun hemm regolatur wieħed f’dan il-qasam filwaqt li jkun hemm awtorità responsabli li tiżgura s-sigurtà tal-ikel f’każ ta’ kriżi.

Sabiex jonqos il-ħela tal-ikel, se jingħata inċentiv fiskali lill-produtturi u l-bejjiegħa tal-ikel sabiex prodotti li joqorbu d-data tal-iskadenza tagħhom jingħataw għall-bżonnijiet soċjali jew jinbiegħu bi prezz ridott.

Barra minn hekk, permezz ta’ proġett ta’ €4 miljuni minn fondi tal-Unjoni Ewropea, se tissaħħaħ id-diġitalizzazzjoni fis-setturi tas-sajd u l-akwakultura.

Il-Ministru Caruana żied jgħid li Gvern li jaspira għal kwalità ta’ ħajja aħjar, iħares li jagħmel dan minn kull aspett. “Kwalità ta’ ħajja aħjar tgħaqqad flimkien it-tkabbir ekonomiku ma’ anqas emissjonijiet, iż-żieda fl-investiment mal-protezzjoni ambjentali u l-iżvilupp infrastrutturali mat-tħaddir urban.”

Huwa tenna li l-Gvern se jkompli jappoġġja lir-residenzi li jinvestu f’sistemi ta’ enerġija rinovabbli u tagħmir li jżid l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-ilma fid-dar tagħhom. Qal ukoll li b’mod tanġibbli qed iħarsu lejn l-użu tar-riħ fiż-żona ekonomika esklussiva fl-ibħra tagħna u l-proġetti mix-xemx fl-ibħra territorjali.

Ekonomija

Sport