Monday, May 4, 2026

L-ELEZZJONI U L-GĦAŻLA BEJN IL-PROPOSTI TAL-PARTITI

Aqra wkoll

Hekk kif għaddiet l-ewwel ġimgħa mill-kampanja elettorali, il-partiti ewlenin komplew iressqu għadd ta’ proposti, li ta’ min wieħed jixtarrhom sew. Fuq naħa hemm Partit Laburista li ġurnata wara l-oħra qed ikompli jibni fuq il-proposti tiegħu waqt li min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista rajnieh iressaq proposti li tista’ tgħid baqa’ ma tax wisq tweġibiet u dettalji dwarhom.

Proprju fl-ewwel ftit jiem tal-kampanja tiegħu, il-Partit Laburista ppreżenta għadd ġmielu ta’ proposti fosthom; il-birth bonus se jkun qed jogħla għal €5,000 għal kull wild, iż-żieda fil-leave tal-maternità u l-leave tal-paternità, iż-żieda ta’ €50 fil-ġimgħa fil-pensjonijiet fuq ħames snin u anke ż-żieda fl-istipendji fost diversi miżuri oħrajn. Dawn apparti l-ħemel ta’ miżuri għall-first time buyers u oħrajn iddedikati għall-ħaddiema u anke għas-saħħa mentali. 

Dan l-approċċ fil-fehma tagħna juri kemm Gvern Laburista mhux biss qed jipproponi imma qed ikompli jibni fuq il-ħafna tajjeb li diġà sar f’dawn l-aħħar snin u fuq kollox jaf fejn sejjer, b’miżuri li huma ċari u costed. B’hekk qed tingħata garanzija li dak li qed jiġi mwiegħed, jitwettaq. 

Minbarra f’dan, il-Partit Laburista se jkun l-ewwel partit politiku f’pajjiżna li se jkun qiegħed jevalwa l-impatt tal-miżuri tiegħu mhux biss f’termini ekonomiċi u ta’ flus, iżda wkoll ta’ kemm il-ħajja tal-individwu qiegħda tassew tinbidel għall-aħjar. Dan se jkun qed isir b’wellbeing index, li se jintuża biex jitkejjel l-impatt tal-proposti li hemm fil-manifest elettorali tal-PL, fejn qed jiġi stmat li dawn il-proposti se jwasslu għal titjib fil-kwalità tal-ħajja ta’ madwar 25%. 

Iżda mhux l-istess jista’ jingħad għall-Partit Nazzjonalista li qed iħalli ħafna mistoqsijiet għal dak li qiegħed jipproponi. U aktar minn hekk, qegħdn naraw kif ċertu proposti diġà jinsabu fis-seħħ fosthom dik dwar in-nurse navigators. Dan apparti li baqa’ s’issa ma qalx f’liema lokalità se jkun qiegħed jagħmel l-isptar li qiegħed iwiegħed fit-Tramuntana tal-pajjiż.

Hawnhekk il-poplu bir-raġun jistaqsi x’direzzjoni jew x’viżjoni għandu l-Partit Nazzjonalista għall-futur jekk mistoqsijiet bħal dawn jibqgħu ma jkunux imwieġba, jew inkella meta jgħidu li se jkunu qed jiġu mħabbra fil-jiem jew fil-ġimgħat li ġejjin.

Għaldaqstant, issa li ninsabu mexjin b’ritmu mgħaġġel lejn it-30 ta’ Mejju li ġej, il-poplu se jkollu din l-għażla quddiemu x’jixtarr bejn dak li qed joffru l-partiti. Il-poplu huwa sovran u r-rieda tiegħu trid tiġi mwettqa sal-aħħar punt.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport