Għexieren ta’ familji attendew għat-tieni edizzjoni ta’ Festa Ħaddiem – Minn Id il-Public Works, li ttellgħet is-Sibt u l-Ħadd li għadda fiż-Żona tal-Kunċerti f’Ta’ Qali. Attività mimlija divertiment għall-familja kollha, fosthom bouncy castles għat-tfal, Disney shows kull 45 minuta, kant u mużika minn diversi talent lokali filwaqt li kien hemm ukoll ikel varjat għal kulħadd.
Apparti minn hekk, waqt din il-festa, il-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi esebixxew parti żgħira mill-ħafna xogħol li jagħmlu ta’ kuljum. Fost oħrajn, hemm il-mastrudaxxi jaħdmu fuq l-injam, ħajt tal-ġebel żgħir li qed jinbena, kif ukoll esperjenzi ta’ virtual reality u flipbook bl-istorja tal-Public Works.
Dan kollu, jagħmel Festa Ħaddiem – Minn Id il-Public Works festa kompluta għall-familja kollha – minn tfal, żgħażagħ u anke anzjani.
Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia qal kif dan huwa s-suċċess tal-Park Nazzjonali. “Park meravilja illi jospita l-familji, jospita t-tfal, iż-żgħażagħ u l-anzjani tagħna f’dawn l-attivitajiet sbieħ illi qed norganizzaw hawnhekk f’dan il-weekend. Inħeġġeġ in-nies biex jiġu hawnhekk, fejn qed niċċelebraw il-ħaddiema tal-id, iżda fuq kollox, li t-tfal, iż-żgħażagħ l-familji jiġu hawnhekk u jgawdu minn dan il-ġmiel illi ħloqna flimkien.”
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett qal li waqt “Festa Ħaddiem mhux biss niċċelebraw il-Public Works, iżda l-ħaddiema tal-Public Works, ix-xogħol siewi illi jagħmlu, ix-xogħol tas-sengħa illi kull ma jmur irridu nippreservawh iktar. Il-Maltin huma nies kapaċi ħafna speċjalment meta jiġi għax-xogħol tal-id. Inħeġġeġ il-familji jiġu hawn jiċċelebraw lil dawn il-ħaddiema, jaraw naqra x’jagħmlu b’tant fejda għan-nies u għal dak li se nkomplu nagħmlu għal għada, għax is-suċċess ta’ pajjiżna dejjem telaq mix-xogħol tal-Public Works.”
Il-Kap tal-Unit tal-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali Jason Micallef qal li l-għaxqa tiegħu jara familji bit-tfal sa minn kmieni filgħodu jieħdu gost u jqattgħu ħin ta’ kwalità fl-ispazju kbir li joffri l-ispazju tal-kunċerti f’Ta’ Qali. Huwa tenna li “din iż-żona għandha l-faċilitajiet kollha biex attivitajiet bħal dawn jagħmilhom suċċess”.


