Wednesday, April 24, 2024

L-Omicron se jħassar il-Milied?

Ir-Renju Unit b’miżuri ġodda wara li l-każijiet bdew jirdoppjaw kull jumejn, tlieta… xogħol mid-dar u attendenza baxxa fl-iskejjel

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

It-“twelid” tal-varjant il-ġdid tal-Covid-19 – Omicron – ħabat fl-istess perjodu li fih miljuni ta’ nies madwar id-dinja jfakkru t-twelid ta’ Ġesù, il-Milied. F’dak li s’issa jidher li jinfirex b’rata aktar mgħaġġla mill-verżjonijiet preċedenti tal-Coronavirus, l-Omicron qiegħed jhedded iċ-ċelebrazzjoni tal-festi tal-aħħar tas-sena u dan minħabba li f’ħafna pajjiżi, b’mod speċjali r-Renju Unit, reġgħu introduċew restrizzjonijiet bil-għan li jikkontrollaw l-imxija u xi diżastru ieħor fuq is-sistemi tas-saħħa.

Bi 32 mutazzjoni differenti l-Omicron wassal biex il-Gvern Ingliż ta’ Boris Johnson iħabbar żieda fil-miżuri minħabba li l-infezzjonijiet il-ġodda minn dan il-varjant qegħdin ta’ kull jumejn tlieta, jirduppjaw. 

F’dan it-tieni Milied mhedded mill-pandemija globali, il-biżgħa fost in-nies qiegħda tiżdied u fuq parir tal-esperti lokali, numru kbir ta’ persuni f’Londra stennew fi kjuwijiet twal bi stennija ta’ sitt sigħat, biex jingħataw it-tielet booster tat-tilqima ta’ kontra l-Covid-19.

Il-varjant Omicron huwa maħsub li oriġina fl-Afrika t’Isfel ix-xahar li għadda u kompla jinfirex globalment. Dan, iżda, huwa ta’ theddida b’mod speċjali fir-Renju Unit tant li l-bqija tad-dinja tefgħet l-attenzjoni tagħha fuq dan il-pajjiż biex tara kif se jintlaqat u timxi skont il-bżonn.

Settur ieħor li ġie affetwat ħażin miż-żieda fil-każijiet tal-Omicron huwa dak tal-edukazzjoni fejn huwa rrapportat li l-attendenza tat-tfal fl-iskejjel naqset ħafna. L-aħħar figuri fil-fatt juru li 236,000 studenti fi skejjel tal-Istat (2.9%) kienu assenti fid-9 ta’ Diċembru minħabba l-Covid. Madwar 3,000 oħra ma marrux l-iskola minħabba għeluq tal-istess istituzzjonijiet edukattivi. 

F’Wales l-assenza fl-iskejjel kienet ta’ 1.7% tal-istudenti mentri fl-Iskozja dan kien aktar – 2.6%. Fl-ewwel tliet xhur tas-sena skolastika l-ġdida fl-Irlanda ta’ Fuq 1.2% tal-istudenti kienu assenti minħabba każijiet ikkonfermati u oħrajn issuspettati ta’ Covid-19. Dan l-ammont żdied b’0.8% oħra minħabba kwarantina ta’ studenti.

“Aħdmu kemm jista’ jkun mid-dar”

Il-“Pjan B” tal-Prim Ministru Ingliż, Boris Johnson, daħal fis-seħħ din il-ġimgħa b’tama li tkun limitata l-imxija tal-Omicron f’dawn il-festi. F’konferenza tal-aħbarijiet minn Downing Street Johnson ħabbar li l-varjant qiegħed jinxtered “b’rata ferm aktar mgħaġġla minn dak mistenni u mill-varjant preċedenti, Delta”.

Il-pjan sekondarju ta’ Johnson jinkludu lbies ta’ maskri mandatorji. Barra dawk preżenti – it-trasport pubbliku u l-ħwienet, il-maskri issa jridu jintlibsu ta’ bilfors għal kull min imur fiċ-ċinema, fit-teatri u fil-postijiet reliġjużi. Barra minnhekk l-awtoritajiet Ingliżi talbu biex kull min jista’ jaħdem mid-dar, ikun aħjar li jagħmel hekk. 

Dawn l-aħħar miżuri. li kienu oriġinarjament maħsuba f’Settembru li għadda. se jkunu riveduti fil-5 ta’ Jannar 2002 fejn ingħad li jekk is-sitwazzjoni tiggrava, dawn jerġgħu jkunu estiżi għal perjodu ieħor.

Fejn jirrigwarda l-festini u l-attivitajiet bħal reċiti tal-Milied, Johnson qal li jistgħu jsiru basta dak li jkun jieħu l-miżuri ta’ prekawzjoni kollha u n-nies jieħdu l-booster tat-tilqima malajr kemm jista’ jkun. “L-aħjar mod li niżguraw li niċċelebraw Milied kemm jista’ jkun viċin in-norma, irridu bilfors inħaddnu l-Pjan B… Minkejja li m’huwiex ta’ pjaċir, almenu dan m’huwiex lockdown,” spjega Johnson.

Il-Ħadd ta’ qabel huwa qal lill-poplu tiegħu li t-tielet tilqima, il-booster, se tingħata lil kull min għandu ‘l fuq minn 18-il sena bil-għan li tkun evitata “mewġa qawwija ħafna” ta’ infezzjonijiet fi żmien il-Milied u l-Ewwel tas-Sena.

Rata ta’ infezzjonijiet għolja ħafna…

Il-każijiet ta’ Omicron f’dan il-pajjiż skont Johnson jistgħu jirduppjaw kull jumejn, tlieta u kien għalhekk li sab ruħu dahru mal-ħajt u impona regoli ġodda kontra t-tixrid tal-virus. L-Aġenzija tas-Sigurtà tas-Saħħa Ingliża wissiet li r-rata ta’ infezzjonijiet wisq probabbli diġà telgħet għal 200,000 kuljum.

Is-Sistema Nazzjonali tas-Saħħa Ingliża (NHS) ħabbret li se tkun ippreparata għall-ogħla emerġenza (livell 4) għal li jista’ jkun. Dan ifisser li r-rispons tagħha se jkun ikkordinat fuq livell nazzjonali aktar milli b’mod individwali mil-lat ta’ sptarijiet u ċentri tas-saħħa lokali. 

Sadanittant l-atmosfera tal-Milied għal din is-sena wkoll m’hiex bħal dawk li tradizzjonalment ikollna fi żmien il-festi b’ħafna folol jimxu fiċ-ċentri, xiri, tgħanniq u ċelebrazzjonijiet kbar. Minħabba l-miżuri li tħabbru, il-pjazza ta’ Paternoster f’Londra hija rrapportata “vojta u tad-dwejjaq” fejn ir-regola tax-xogħol mid-dar, għalkemm inqas stretta minn dik tas-sena l-oħra, ħalliet toroq u stazzjonijiet tal-ferroviji vojta.

“Jekk jogħġobkom tmissux iċ-ċerva” 

B’sinjali ta’ “jekk jogħġobkom tmissux iċ-ċerva” u “dan bil-għan li nevitaw tixrid tal-Coronavirus” iċ-ċittadini ta’ din il-belt qegħdin iħossu li l-Milied għalihom, tħassar. “Niftakarni miss iċ-ċerva tal-Milied u meta naqra dawn l-affarijiet, qegħdin jagħmluli ħafna dwejjaq. Aħjar bqajt id-dar,” huwa rrapportat li qal ħaddiem lokali. 

In-numru ta’ persuni fl-attrazzjoni ewlenija tal-belt kapitali Inglża kien verament limitat anke f’dan il-perjodu fejn isir is-suq tradizzjonali tal-Milied. Il-maġġoranza tal-ħaddiema tal-inħawi kienu xogħol fid-djar tagħhom mat-twissija uffiċjali li “jekk tistgħu aħdmu mid-dar” magħmula minn Johnson. 

Minħabba li l-miżuri mħabbra kienu inqas iebsa, huwa rrapportat li għadd ta’ banek kbar bħal PwC, Deutsche Banke, JP Morgan u KPMG offrew lil ħaddiema tagħhom l-għażla li jekk iridu jmorru fl-uffiċċju, dawn jistgħu imma mhux ta’ bilfors.

Skont informazzjoni maħruġa mill-aġenzija ewlenija ta’ Londra, il-persentaġġ ta’ persuni li vjaġġaw bit-trasport pubbliku f’din il-ġimgħa naqas b’20% meta mqabbel mal-ġimgħa ta’ qabel. It-trasport fi żmien il-pandemija għadu f’livelli baxxi ħafna meta mqabbel mas-snin ta’ qabel il-pandemija fejn jirriżulta li naqas għal 46% mir-rata normali.

Kjuwijiet għall-booster wara l-ewwel mewta bl-Omicron

Ħafna nies stennew fil-kesħa madwar l-Ingilterra wara li laqgħu l-istedina tal-gvern tagħhom biex l-adulti kollha jieħdu l-booster bil-għan li jipproteġu lilhom infushom mill-Omicron. Dan wara li r-Renju Unit irreġistra l-ewwel mewta ta’ pazjent infettat bil-varjant il-ġdid. 

F’dan il-pajjiż, kull persuna li għandha ‘l fuq minn 18-il sena qiegħda tingħata l-opportunità li tieħu t-tielet doża sal-31 ta’ Diċembru, perjodu qasir ta’ tliet ġimgħat. Din id-data tmexxiet għal xahar qabel mill-mira oriġinali.

Is-sitwazzjoni fir-Renju Unit hija waħda kritika minħabba li tant żdiedu l-infezzjonjiet tal-varjant il-ġdid li s-Segretarju tas-Saħħa Sajid Javid fil-bidu ta’ din il-ġimgħa ddikjara li l-Omicron se jkun dak dominanti f’Londra u dan mistenni li jseħħ fi żmien ta’ jumejn biss. 

Filwaqt li l-Omicron huwa maħsub li jinxtered aktar malajr mill-varjanti l-oħra tal-Coronavirus, għadu mhux ċar jekk huwiex daqstant aħrax u x’effett se jkollu fuq is-sistemi tas-saħħa.

F’perjodu ta’ inqas minn ġimgħatejn minn mindu ġie identifikat fl-Afrika t’Isfel, 10 persuni ddaħħlu fi sptarijiet Inglżi b’kumplikazzjonijiet ikkawżati mill-Omicron. Il-gvern Ingliż iddikjara emerġenza nazzjonali u wissa li l-imxija qawwija tal-Omicron, “iżżid riskju ieħor u aktar mgħaġġel għall-pubbliku u għas-servizzi tas-saħħa”.

L-Aġenzija tas-Sigurtà tas-Saħħa Ingliża qalet li t-tilqim eżistenti jidher li huwa inqas effettiv milli jwassal għal infezzjonijiet sintomatiċi f’persuni esposti għall-Omicron imma l-effettività tidher li titla’ bejn 70% u 75% mat-teħid tat-tielet doża.

Fir-Renju Unit, aktar minn 80% tal-persuni li għandhom aktar minn 12-il sena ħadu żewġ dożi tat-tilqima u 40% tal-adulti ħadu t-tielet waħda. It-tħaffif fil-programm nazzjonali tat-tilqim tal-booster mistenni jkun ta’ sfida kbira fejn hemm bżonn jingħataw kważi miljun doża kuljum. Dan l-ammont huwa akbar minn dak preċedenti li kien ta’ madwar 850,000 doża kuljum. 

Bil-għan li dan l-ammont rekord jintlaħaq, madwar 750 suldati u eluf ta’ volontieri li huma mħarrġa jagħtu t-tilqm, se jingħataw permess li jagħtu l-booster fil-kliniċi tat-tobba, sptarijiet, spiżeriji u ċentri tat-tilqim apposta. 

F’dan l-eżerċizzju tal-massa, ħafna proċeduri ta’ rutina se jkunu posposti fl-NHS bil-għan li fir-Renju Unit jitħaffef il-proċess tal-protezzjoni bit-tielet doża.

Sport