Thursday, March 28, 2024

L-UE tinnota l-investiment fil-qasam tal-Ġustizzja

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Kummissjoni Ewropea għadha kemm nediet l-EU Justice Scoreboard 2023, li jagħti ħarsa ġenerali tal-indikaturi ewlenin dwar l-effiċjenza, il-kwalità u l-indipendenza tas-sistemi tal-ġustizzja madwar l-istati membri tal-Unjoni Ewropew. Dan ir-rapport ta’ valutazzjoni huwa bbażat fuq is-sena 2021, is-sena meta pajjiżna beda jirkupra mill-pandemija globali tal-Covid-19.

Minkejja l-fatt li f’dak iż-żmien il-Qrati Maltin ma kinux qed joperaw b’mod sħiħ minħabba l-pandemija, Malta xorta waħda rreġistrat tnaqqis sinjifikanti ta’ 15% fiż-żmien li ttieħed sabiex jiġu solvuti kawżi ċivili u kummerċjali u tnaqqis ta’ madwar 50% fit-tul ta’ proċeduri f’każijiet dwar ħasil ta’ flus meta mqabbla mal-2019.

L-istess rapport juri kif minkejja li minkejja li żdiedu n-numru ta’ każi solvuti fuq perjodu ta’ sena, iż-żieda fil-volum ta’ każijiet li daħlu batta kemmxejn l-isforzi li qed isiru mill-ġudikatura ta’ pajjiżna sabiex jitħaffu l-każijiet. Konxju ta’ dan il-fatt, il-Ministeru għall-Ġustizzja ħadem sabiex jiżdiedu l-membri tal-ġudikatura u fil-fatt, bejn l-2021 u l-2023, kien hemm żieda ta’ 10 membri oħra.

Il-Ministeru laqa’ wkoll l-analiżi li saret fuq il-gruppi vulnerabbli peress li din hija konformi ma’ riforma ġdida li qed jimbarka fuqha l-istess Ministeru, dik li jkun hemm sistema ta’ ġustizzja aktar aċċessibbli għal kulħadd, b’attenzjoni partikolari fuq gruppi vulnerabbli fi ħdan il-popolazzjoni tagħna.

Fil-fatt, il-Ministeru diġà beda jikkoopera aktar mill-qrib ma’ rappreżentanti ta’ gruppi vulnerabbli magħżula u qiegħed jistudja metodi ta’ kif jista’ jitjieb l-aċċess tagħhom għall-ġustizzja, inklużi tfal, anzjani, u persuni b’diżabilità fi ħdan is-sistema tal-ġustizzja.
L-Iscoreboard jixhed ukoll l-investiment li qed tagħmel l-amministrazzjoni preżenti fis-sistema tal-ġustizzja. Fil-fatt, Malta hija l-pajjiż bl-ogħla żieda fin-nefqa totali tal-gvern fil-Qrati għal kull abitant bejn l-2020 u l-2021.

Il-Ministeru apprezza l-fatt li b’riżultat tal-istudji indipendenti tal-Ewrobarometru li saru fil-bidu ta’ din is-sena, kemm il-pubbliku ġenerali kif ukoll il-kumpaniji kummerċjali taw b’mod inekwivoku vot ta’ fiduċja lill-indipendenza tas-sistema tal-ġustizzja tagħna.

Fir-rigward tal-inizjattivi leġiżlattivi u regolatorji l-Iscoreboard jinnota l-momentum ta’ riformi li qed tadotta Malta speċjalment fil-liġi proċedurali, l-użu tal-ICT u l-intelliġenza artifiċjali fis-sistema tal-ġustizzja kif ukoll regoli għall-prosekuturi pubbliċi.

Il-Gvern diġà qed jaħdem fuq riformi importanti oħra, fosthom dik dwar il-kumpilazzjonijiet u r-rinviji, il-ħolqien ta’ sezzjoni speċjalizzata għall-inkjesti maġisterjali u r-riforma fil-Qorti tal-Familja. Dwar dan tal-aħħar, l-iscoreboard diġà juri li Malta tinsab f’pożizzjoni tajba biex tipprovdi soluzzjonijiet diġitali fi ħdan is-sistema tal-ġustizzja tagħha u hemm soluzzjonijiet oħra li mistennija jiġu implimentati.

Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard stqarr li dan ir-rapport juri li Malta qed tibda tagħti l-frott tar-riformi storiċi u kuraġġużi li qed jimplimenta l-Gvern, filwaqt li se jkompli jinvesti fl-infrastruttura u r-riżorsi umani biex jinkisbu l-aqwa riżultati possibbli. B’hekk jassigura li l-ġustizzja mhux biss issir, iżda wkoll tidher li qed issir u ssir fi żmien raġjonevoli.

Ekonomija

Sport