Saturday, January 4, 2025

Laneċ tal-Irmonk eżentati minn regoli Ewropej wara intervent tal-MPE Daniel Attard

Aqra wkoll

Laneċ tal-irmonk li joperaw fil-portijiet Maltin u Ewropej mhux se jkunu suġġetti għal piżijiet amministrattivi żejda wara li l-Kummissjoni Ewropea aġġornat ir-regoli tagħha dwar il-monitoraġġ tal-emissjonijiet marittimi (MRV). 

Din il-bidla waslet wara azzjoni diretta mill-Ewroparlamentari Daniel Attard, li kkonsulta mal-partijiet interessati kemm f’Malta kif ukoll fl-Ewropa biex jiddefendi l-ħtiġijiet tas-settur marittimu.

Is-Segretarju Ġenerali tal-European Tugowners’ Association, Anna Maria Darmanin, spjegat li r-regoli kif proposti oriġinarjament kienu se jpoġġu l-laneċ tal-irmonk, li normalment joperaw fil-portijiet, fl-istess kategorija ta’ vapuri kbar li jaħdmu fl-ibħra internazzjonali, minkejja d-differenzi ċari bejniethom. Dan kien se jwassal għal piżijiet amministrattivi u finanzjarji sproporzjonati.

Darmanin fissret kif l-Ewroparlamentari Attard, li huwa responsabbli mit-Trasport u t-Turiżmu fil-Parlament Ewropew, mill-ewwel sema’ lir-rappreżentanti tas-settur, u ħa azzjoni billi kiteb u ltaqa’ mal-Kummissjoni Ewropea. Ħidma effettiva li ġabet riżultat konkret, hekk kif illum il-laneċ tal-irmonk ġew esklużi minn dawn ir-regoli.

Fil-fatt, f’Settembru li għadda, Attard kiteb lill-Kummissjoni Ewropea u ressaq it-tħassib ta’ diversi stakeholders, fosthom il-Kamra tal-Kummerċ, id-Direttorat tal-Vapuri tal-Merkanzija, u l-European Tugowners Association. F’laqgħa sussegwenti mal-Kummissjoni Ewropea, Daniel Attard saħaq li filwaqt li l-miri ambjentali tal-UE huma essenzjali, ir-regoli m’għandhomx ipoġġu lil kulħadd fl-istess keffa, bil-konsegwenza li joħolqu piżijiet inġusti u theddida għall-ħaddiema u l-familji tagħhom.

B’reazzjoni għal din il-kisba, Daniel Attard qal li l-bidla fir-regoli tirrifletti s-sens komun, il-ħarsien tal-kompetittività tas-settur marittimu ta’ Malta, u fuq kollox, l-għajxien tal-ħaddiema u l-familji tagħhom.

Attard ikkonkluda li dan huwa eżempju ċar tal-impenn tiegħu li jiddefendi l-interess nazzjonali, b’ħidma konkreta li bil-fatti, qed tissarraf f’riżultati għal Malta fl-Ewropa.

Ir-regoli l-ġodda issa ġew ippubblikati uffiċjalment u jirriflettu l-kontribut konġunt tal-partijiet interessati u tal-MPE Attard.

Ekonomija

Sport