Sunday, November 24, 2024

Lejn aktar parteċipazzjoni femminili fil-ġurnaliżmu sportiv

Aqra wkoll

“Il-parteċipazzjoni femminili fil-ġurnaliżmu sportiv hija tragward li tista’ tingħeleb, u għandha tingħeleb, bħalma ngħelbu tragwardi oħrajn fejn jidħlu n-nisa f’kull professjoni, inkluża dik ġurnalistika”, qalet il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli, waqt li indirizzat seminar organizzat mill-Għaqda Ġurnalisti Sports (GħĠS) bit-tema ‘Training Women Sports Journalists / Reporters to work more at ease in the Sports Media industry’.

Iż-żewġ għanijiet prinċipali ta’ dan is-seminar kienu li jħajru aktar nisa jidħlu fl-industrija tal-midja sportiva kif ukoll jgħinu lil dawk in-nisa li qed jaspiraw li jkunu ġurnalisti sportivi sabiex jaħdmu f’ambjent aktar komdu.

Il-Ministru Farrugia Portelli rringrazzjat lill-GħĠS għall-inizjattiva li ħadu biex organizzaw dan is-seminar li ddeskrivietu bħala għodda mill-aktar utli biex aktar nisa jitħajru jidħlu fil-qasam tal-ġurnaliżmu sportiv.

“Bħalma wasalna fil-friegħi l-oħra ġurnalistiċi, u bħalma diġà għandna nisa ġurnalisti f’dan il-qasam, hekk ukoll jista’ jkollna aktar. Seminar li jorbot mal-prinċipju tal-inklużjoni u li għandu jservi ta’ imbuttatura biex aktar nisa jersqu lejn din il-fergħa ta’ ġurnaliżmu. Bħalma għelibna tragwardi oħrajn fejn jidħlu n-nisa hekk ukoll ikompli jingħeleb dan it-tragward,” temmet tgħid il-Ministru Farrugia Portelli.

Is-seminar kien iffinanzjat minn fondi tat-Training Initiative Scheme (TIS), li l-GħĠS irċeviet mingħand il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur.

Sandro Micallef, il-President tal-GħĠS, irrefera għall-għajnuna finanzjarja minn fondi ta’ TIS bħala, “Opportunità biex nagħtu taħriġ lill-kollegi nisa tagħna f’dan il-qasam. L-Għaqda Ġurnalisti Sports minn dejjem kienet favur l-inklużjoni, iktar u iktar tal-mara f’dan is-settur li sfortunatament huwa ddominat mill-irġiel. F’isem l-Eżekuttiv tal-GħĠS nirringrazzjaw lill-MCVS ta’ din l-opportunità u nħarsu ’l quddiem sabiex naħdmu fuq proġetti oħra simili fil-futur flimkien.”

Fis-seminar ħadu sehem membri nisa tal-GħĠS li huma ġurnalisti sportivi u reporters, flimkien ma’ kelliema barranin li qasmu l-għarfien tagħhom f’din il-professjoni.

Il-mistiedna barranin kienu Francesca Benvenuti, preżentatriċi sportiva u reporter għal SportMediaset, u Zsuzsa Csisztu, editur, reporter u preżentatriċi ma’ ATV Magyar, li hu l-iktar stazzjon privat popolari fl-Ungerija.

Sport