Sunday, November 24, 2024

Malta impenjata li tkompli tallinja mad-dikjarazzjoni tal-Ungerija f’isem l-UE u l-Istati Membri fir-rigward ta’ numru ta’ inizjattivi fis-settur tas-saħħa

Aqra wkoll

Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela jinsab fid-Danimarka fejn qed jattendi għall-74 sessjoni tal-‘WHO Regional Committee for Europe’ fejn qed jiġu diskussi diversi temi, fosthom l-aċċess għall-mediċini, is-saħħa mentali, is-saħħa diġitali u t-tisħiħ tar-riżorsi umani għas-saħħa. Waqt il-laqgħa, il-Ministru Abela rriaferma l-impenn ta’ Malta li tkompli tallinja mad-dikjarazzjoni tal-Ungerija f’isem l-UE u l-Istati Membri fir-rigward ta’ dawn l-inizjattivi fis-settur tas-saħħa.

Fl-interventi tiegħu, il-Ministru Abela saħaq li l-inizjattiva tal-Pajjiżi ż-Żgħar dwar il-pjattaforma ta’ mediċini ġodda hija importanti ferm hekk kif toffri appoġġ lill-pajjiżi f’dan ir-rigward għall-investiment urġenti u kollettiv fit-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa.

Il-Ministru Abela tkellem ukoll fuq inizjattivi għall-provvista ta’ kura tas-saħħa aħjar li huma essenzjali biex jinkisbu riżultati aħjar u biex tiġi żgurata s-sigurtà tas-saħħa. Saħaq li bl-istess mod, it-tisħiħ tal-kapaċità tal-WHO huwa importanti wkoll biex jiġi żgurat li l-investimenti fis-saħħa jkunu robusti, fit-tul u inklużivi.

Il-Ministru Jo Etienne Abela qal kif pajjiżna ser jingħaqad ma’ diversi pajjiżi oħra b’appoġġ finanzjarju biex jappoġġjaw programmi u inizjattivi importanti fir-Reġjun Ewropew, fosthom fis-saħħa diġitali, fl-inizjattiva tal-pajjiżi ż-żgħar u fil-pjattaforma ta’ mediċini ġodda.

“L-aċċess għall-mediċini jibqa’ fuq quddiem nett fl-aġenda tagħna hekk kif inkomplu ninvolvu ruħna fi sforzi ma’ Stati Membri oħra permezz tan-Network tal-Pajjiżi ż-Żgħar,” saħaq il-Ministru Abela. Semma kif f’dan ir-rigward pajjiżna ospita lill-kontropartijiet ta’ Ċipru f’Malta fejn komplew diskussjonijiet li għandhom iwasslu għal trattamenti effettivi bi prezzijiet raġonevoli u f’waqthom għaċ-ċittadini taż-żewġ pajjiżi.

Il-Ministru Abela saħaq ukoll fuq l-importanza tat-tisħiħ fl-għajnuna li s-sistemi tas-saħħa għandhom jagħtu lill-impjegati tagħhom. Qal li s-saħħa mentali tal-impjegati hija kruċjali sabiex il-pazjent jirċievi l-aqwa kura meħtieġa.

Il-Ministru temm jgħid li kien ta’ unur li pajjiżna ospita l-grupp tekniku tar-Riżorsi Umani għas-Saħħa tal-Inizjattiva tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-WHO matul l-aħħar jiem, u jħares ’il quddiem biex is-sena d-dieħla pajjiżna jospita wkoll it-3 Summit tas-Saħħa Diġitali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport