L-aktar ismijiet popolari ta’ trabi li ġew irreġistrati s-sena li għaddiet kienu Matteo, Noah u Liam fil-każ tas-subien filwaqt li Valentina, Emma u Ella għall-bniet.
Għat-tielet sena konsekuttiva, Ġanni u Luċija baqgħu l-aktar ismijiet li ngħataw lit-trabi u huma miktubin b’ittri Maltin.
Dan it-tagħrif ingħata mill-Aġenzija Identità fejn fi stqarrija qalet li matul is-sena li għaddiet ġew irreġistrati 4,017 tarbija li jiffser 97 tarbija inqas mill-2023. Minn dawn kien hemm 2,076 kienu subien u 2,031 kienu bniet.
L-istess Aġenzija tagħti rendikont tal-imwiet li ġew irreġistrati fir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta. B’kollox matul is-sena li għaddiet mietu 3,764 mwiet f’Malta li jfisser 151 inqas meta mqabbel mal-2023.
L-ammont ta’ rġiel li mietu matul is-sena li għaddiet kien ftit aktar minn dak tal-2023 filwaqt li kien hemm tnaqqis fin-numru ta’ nisa li miet fl-istess sena. Fil-fatt 1,951 kienu rġiel li jfisser żieda ta’ tmint irġiel fuq is-sena ta’ qabel, filwaqt li 1,813 kienu nisa li jfisser tnaqqis ta’ 159 meta mqabbel mal-2023.
Dwar il-koppji li żżewġu matul is-sena li għaddiet, Identità tgħid li kien hemm 1,994 żwieġ irreġistrat li jfisser 40 żwieġ inqas meta mqabbel mal-2023. Fl-istess reġistru ġew irreġistrati żewġ Unjonijiet Ċivili u 51 Koabitazzjoni.
L-istqarrija tgħid li matul l-2024, ir-Reġistru Pubbliku ħareġ 73,764 Ċertifikati ta’ Twelid, Żwieġ u Mewt, żieda ta’ 4,777 fuq is-sena ta’ qabel, u 811 ċertifikat ta’ Stat Ħieles.
Minn dawn, 42,425 ġew ordnati online u 31,339 milll-uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku. Minn dan l-ammont kollu kien hemm total ta’ 1,724ċertifikati multi-lingwali.