Saturday, December 21, 2024

Matul din is-sena ġew irritornati jew rilokati 175 immigrant irregolari

Aktar immigranti irregolari jiġu rilokati f’pajjiżi oħra

Aqra wkoll

Saret ir-rilokazzjoni ta’ 16-il immigrant ieħor li waslu f’pajjiżna b’mod irregolari. Dan ifisser li mill-bidu tas-sena 2024, filwaqt li ġew irritornati 115-il immigrant irregolari lejn il-pajjiż tal-oriġinu tagħhom, 60 oħra ġew rilokati lejn pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea.

Bl-isforzi tal-Gvern, fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni irregolari, qegħdin jissarrfu f’riżultati pożittivi, bit-total ta’ 175 immigrant irregolari li ġew irritornati jew rilokati fl-ewwel disa’ xhur tas-sena, jiżboq sew in-numru ta’ 103 immigrant irregolari li daħlu Malta fl-istess perjodu.

Il-ħidma ta’ rilokazzjoni, permezz tal-Mekkaniżmu Volontarju ta’ Solidarjetà, saret mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol b’kollaborazzjoni mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Immigrazzjoni (IOM) u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA), rilokazzjoni li tingħaqad ma’ sensiela ta’ rilokazzjonijiet li saru minn dan il-gvern fl-aħħar snin.

Il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol isostni li r-rilokazzjoni hija l-aktar mod effiċjenti ta’ kif l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri jistgħu jnaqqsu l-isfidi li jiġu b’kawża tal-immigrazzjoni irregolari, b’mod partikolari għall-pajjiżi tal-fruntiera, bħal Malta. Għalhekk, filwaqt li dawk l-immigranti li ħaqqhom protezzjoni jiġu megħjuna u jingħataw id-drittijiet kollha tagħhom skont il-liġi, dawk l-immigranti li ma ħaqqhomx protezzjoni, jew li jinsabu jgħixu f’Malta b’mod irregolari, jiġu rilokati jew ritornati lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom.

Ħidmet il-Pulizija tal-Immigrazzjoni, l-Aġenzija għas-Servizzi ta’ Detenzjoni u Dipartimenti oħra fi ħdan il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol ser tkompli tissaħħaħ fit-tħaddim ta’ politika ta’ immigrazzjoni ġusta.

Ir-rilokazzjoni hija kofinanzjata mill-Unjoni Ewropea, taħt il-Fond għall-Ażil, Immigrazzjoni, u Integrazzjoni (AMIF).

Ekonomija

Sport