Thursday, March 28, 2024

‘Mhux ħati’ il-ġuvni li qatel żewġ persuni u fera ieħor f’Kenosha

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Verdett minn ġurija dwar sparaturi fatali fil-protesti konta r-razziżmu f’Kenosha

Każ li spiċċa quddiem ġurija huwa dak ta’ Kyle Rittenhouse, il-ġuvni li sena l-oħra qatel żewġ persuni u fera ieħor waqt il-protesti li saru kontra r-razziżmu f’Kenosha. Fil-filmat li ttieħed waqt li ngħatat is-sentenza, il-ġuvni deher emozzjonat għall-aħħar  b’mod speċjali meta sema’ li l-ġurija ddikjaratu mhux ħati għall-akkużi kollha miġjuba kontrih.

Rittenhouse kellu biss 17-il sena meta lura fil-25 ta’ Awwissu, 2020, b’arma tan-nar tat-tip AR-25, qatel lil Anthony Huber ta’ 26 sena u lil Joseph Rosenbaum ta’ 36 sena. Kollox beda meta f’Kenosha qam inkwiet minħabba li kien hemm pulizija ta’ karnaġġjun ċara li spara fuq Jacob Blake, raġel ta’ karnaġġjun skura. Blake spiċċa pparalizzat minn qaddu l-isfel wara li kien sofra seba’ sparaturi f’daru mill-uffiċjal tal-pulizija.

Blake safa vittma ta’ sparatura minn pulizija tliet xhur wara li pulizija ieħor, din id-darba f’Minneapolis qatel lil George Floyd, raġel ukoll ta’ karnaġġjun skura. Il-qtil ta’ George Floyd ta’ bidu għal mewġa ta’ protesti u talbiet biex ikun hemm riformi fid-dipartimenti tal-pulizija Amerikani.

Il-ġurija li semgħet il-każ ta’ Kyle Rittenhouse damet erbat ijiem biex waslet għall-vedett tagħha fejn illiberatu mill-ħames akkużi miġjuba kontrih b’relazzjoni mal-inċidenti f’Kenosha.

Rittenhouse kien imbeżża’ ħafna huwa u jisma’ dak li ddeċidiet il-ġurija tant li wara l-ħames “mhux ħati” deher jibki u anke nqata’ minn saqajh. L-avukat tal-ġuvni għenu jikkalma u tah flixkun ilma biex iħossu aħjar wara t-tensjoni kollha li ħass tul il-proċeduri.

F’kumment li d-difiża tat lill-midja jingħad li Rittenhouse ma ried iweġġa’ lil ħadd u li dakinhar tal-inċident huwa kien qiegħed jipprova jgħin lir-residenti u jipproteġi l-proprjetà waqt l-irvellijiet. Huwa rrapporta li fix-xhieda tiegħu dan il-ġuvni spjega li kellu jispara biex jipproteġi lilu nnifsu.

Fi stqarrija l-President Amerikan, Joe Biden, qal li, “il-verdett ta’ Kenosha se jirrabja u jħasseb lil ħafna ċittadini Amerikani, inkluż jiena iżda, irridu naċċettaw il-verdett tal-ġurija. Nitlob biex kulħadd jesprimi l-opinjoni tiegħu b’mod paċifiku u skont il-liġi. Il-vjolenza u l-ħsara fuq il-proprjetà m’humiex parti mid-demokrazija tagħna”.

Ekonomija

Sport