Somalu li kkawża kommossjoni fuq karozza tal-linja wara li allegatament mess mara b’mod indiċenti u ħarab mill-kustodja tal-pulizija meta kien arrestat, tressaq fil-Qorti fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi.
Ahmed Salah Mowlid ta’ 20 sena kien arrestat il-Ħadd li għadda wara li x-xufier tal-linja waqqaf il-karozza biswit l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta biex ifittex l-għajnuna tal-uffiċjali tas-sigurtà biex iniżżel lir-raġel minn fuq il-karozza.
Jidher li ż-żagħżugħ mess lill-mara b’mod mhux xieraq meta kienet qiegħda tivvjaġġa mas-sieħeb tagħha fuq il-karozza tal-linja bin-numru X4. L-imputat kien mixli li wettaq att ta’ natura sesswali mhux konsenswali, li insulta u hedded uffiċjal pubbliku u li weġġa’ ħafif terza persuna fost oħrajn.
Mowlid inżamm taħt arrest preventiv wara li kellu t-talba għall-ħelsien mill-arrest miċħuda mill-Qorti, li ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Danika M Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Roxanne Tabone. L-Avukat Leontine Calleja dehret għall-imputat.