Sunday, May 19, 2024

Mniedi proġett ta’ diġitalizzazjoni fis-settur tas-sajd

Aqra wkoll

Ġie mniedi proġett b’investiment ta’ €600,000 li se jwassal għal diġitalizzazzjoni wiesa’ fis-settur tas-sajd. Dan il-proġett ġie mħabbar mis-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said u huwa wieħed fost il-ħafna miżuri tal-budget li se jkunu qegħdin jiġu implimentati s-sena li ġejja.

L-element tad-diġitalizzazzjoni ser jidħol ukoll fis-settur tal-annimali, hekk kif ser jitnieda sit web ġdid għall-adozzjoni tal-annimali b’kollaborazzjoni mal-Kummissarju tal-Annimali. F’dan is-sit ser ikunu jistgħu jinkludu informazzjoni fuq l-annimali kollha li jinsabu fid-diversi santwarji, biex kull min huwa interessat jadotta, ikun jista’ jikseb l-informazzjoni kollha b’ aċċess aktar faċli.

Alicia Bugeja Said spjegat kif dawn l-inizjattivi ser jgħinu jżidu l-effiċjenza u t-trasparenza fi ħdan id-dipartimenti rispettivi kif ukoll mal-pubbliku. Hi tenniet li minkejja l-isfidi internazzjonali li fil-preżent għaddejjin minnhom, il-Budget 2023 juri li l-gvern ser ikompli jkun it-tarka tas-sajjieda u l-voluntiera li jagħmlu parti minn dawn l-oqsma.

F’dan il-budget il-gvern kompla jikkonferma s-sostenn tiegħu lejn is-sajjieda Maltin u Għawdxin. Fost dawn l-inizjattivi is-segretarju parlamentari ħabbret li ser ikompli l-infurzar u l-protezzjoni tas-sajjieda. Wara l-wasla tal-bastiment Lundy Sentinel ġewwa pajjiżna iktar kmieni din is-sena, il-gvern ser ikompli jiddedika €200,000 biex inkomplu nissieltu l-illegalitajiet fi ħdan l-ibħra tagħna.

Il-gvern qiegħed jalloka wkoll €100,000 lis-sajjieda, biex jagħmlu l-manutenzjoni fuq il-bastimenti tal-injam tagħhom. Din l-inizjattiva ser tkompli ttaffi l-piżijiet finanzjarji li jiffaċċjaw is-sajjieda, filwaqt li jikkontribwixxu għall-aspett turistiku, hekk kif eluf ta’ turisti jżuru lil pajjiżna u jfittxu l-arti li dawn id-dgħajjes jipprovdu fi ħdan il-portijiet pittoreski tagħna.

Is-segretarju parlamentari spjegat li l-iskema Young Farmers ser tiġi rreplikata għas-sajjieda, biex ikomplu jġeddu is-settur tas-sajd filwaqt li jattiraw iktar żgħażagħ biex ikunu involuti f’dan is-settur. Fost diskussjonijiet li għaddejjin, issemmiet ukoll il-ħidma li bħalissa għaddejja fil-fora Ewropea fuq il-kwota tas-sajd tat-tonn li mistennija tiżdied fis-sena li ġejja.

Fis-settur tal-ħarsien tal-annimali, is-segretarju parlamentari sostniet li l-gvern qed jiddedika  €575,000 bil-għan li tiġi pprovduta għajnuna medika lil dawk l-annimali involuti f’inċidenti, jew inkella li jisfaw abbandunati u salvati mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali. Għas-sena li ġejja, l-gvern jinsab f’diskussjoni ma’ għaqda non-governattiva internazzjonali, li mistennija tkompli tassisti l-gvern f’kampanja nazzjonali ta’ tiswija tal-qtates. 

Hija kompliet tgħid li l-gvern ser ikompli jappoġġja l-ħidma favur l-annimali, permezz tal-Local Council Care Fund. Dan il-fond jista’ jwassal għal iktar cat cafes, dog parks, kif ukoll stewards lokali fi ħdan l-bliet u l-irħula Maltin u Għawdxin. Alicia Bugeja Said qalet li  “Aħna bħala gvern nemmnu li l-ħidma tagħna f’dan il-qasam ma għandux ikun biss fuq livell nazzjonali, iżda wkoll fuq livell lokali u komunitarju.” 

Is-segretarju parlamentari kkonkludiet li għal darba oħra, il-Fond għall-Ħarsien tal-Annimali ser ikompli  jipprovdi għajnuna finanzjarja għall-operat ta’ kuljum, kif ukoll proġetti infrastrutturali, lid-diversi għaqdiet volontarji li jaħdmu fis-settur tal-ħarsien tal-annimali.

Sport