Thursday, December 26, 2024

Mosti arrestat b’rabta ma’ serq ta’ vetturi

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Raġel ta’ 49 sena residenti l-Mosta jinsab fil-kustodja tal-Pulizija wara li kien arrestat b’rabta ma’ serqa li allegatament wettaq l-bieraħ filgħodu f’Ħal Qormi.
Kienu għall-ħabta tal-10:00 a.m, x’ħin il-Pulizija tad-Distrett ta’ Ħal Qormi ġew infurmati li matul il-lejl ta’ bejn l-Erbgħa u l-Ħamis insteraq makkinarju ta’ skavar minn sit tal-kostruzzjoni fi Triq L-Erba’ Qaddisin.

Il-Pulizija bdiet mill-ewwel bl-investigazzjoni tagħha u xi ħin wara daħħlet informazzjoni li l-makkinarju jista’ jkun qiegħed f’razzett fl-Imtaħleb, fil-limiti tar-Rabat. Għaldaqstant, siegħa biss wara li sar ir-rapport, il-Pulizija tad-Distrett ta’ Ħal Qormi, assistiti mill-Pulizija tad-Distrett tar-Rabat u tar-Rapid Intervention Unit (RIU), marru mill-ewwel fuq il-post u hemmhekk sabu lir-raġel ta’ 49 sena u l-makkinarju misruq aktar kmieni.

Il-Pulizija għamlet tfittxija madwar ir-razzett u nstabu vetturi oħra, minnhom żarmati, li kienu rrapurtati misruqa bejn Marzu u Lulju, 2020.
Ir-raġel ġie arrestat u ttieħed fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Furjana għal aktar investigazzjonijiet.

Bil-każ ġiet infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr Doreen Clarke LL.D li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta maġisterjali.
L-investigazzjonijiet, li qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett ta’ Ħal Qormi u mit- Taqsima tar-Reati Maġġuri, għadhom għaddejjin.

Ekonomija

Sport