Hekk kif il-maltabiennale.art ikompli jiċċelebra l-arti kontemporanja u l-wirt f’Malta, qiegħed ukoll iniedi l-avventura Art Explora Festival f’Malta permezz ta’ kollaborazzjoni speċjali. Dan il-festival kulturali miftuħ għal kulħadd, li jieħdok fuq ġita mal-Mediterran permezz tad-dgħajsa-mużew tiegħu, se jilqa’ fi ħdanu l- Ocean Weekend, avveniment tassew interessanti li se jsir fit-23 u l-24 ta’ Marzu. Fih se jintlaqgħu esperti Maltin u internazzjonali bi sfondi transdixxiplinari biex jitkellmu dwar l-oċeani minn perspettivi differenti.
Waqt l-ewwel weekend tal-Art Explora Festival f’Malta, l-Ocean Weekend se jibda f’Xatt Pinto, fejn il-Valletta Waterfront, b’kollaborazzjoni bejn il- maltabiennale.art, Heritage Malta, l-Ambaxxata ta’ Franza f’Malta, u l- Ambaxxata tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja f’Malta. Il-programm, li hu spirat minn temi ewlenin li jagħmlu parti mill-Padiljun Prinċipali tal-biennale, huwa ddisinjat biex joħloq pjattaforma għad-djalogu u l-innovazzjoni li flimkien joħolqu pont bejn l-arti, ix-xjenza, u s-soċjetà, bl-għan li tittrawwem kuxjenza u tittieħed azzjoni fil-konfront tal-konżervazzjoni tal-oċeani.
L-ewwel ġurnata tal-Ocean Weekend, ikkurata minn Sofia Baldi Pighi u Emma Mattei mill-Padiljun Prinċipali tal-maltabiennale.art, se tesplora t-tema “Bħall- Baħar, Aħna: Il-Mediterran bħala korp politiku.” Din l-esperjenza immersiva se tfannad fir-relazzjoni profonda ta’ Malta mal-baħar u tesplora s-sinifikat storiku, kulturali, u ġeopolitiku tagħha. Permezz ta’ panel ta’ diskussjoni li jinkludi fih esperti lokali u internazzjonali, il-parteċipanti se jesploraw ir-rwol divers tal-Mediterran fil- formazzjoni tal-identità ta’ Malta. Iktar tard, dawk preżenti jistgħu jgawdu “Sound Lunch” uniku bil-mużika tal-kompożitriċi tal-mużika elettronika Maltija JOON, segwita minn wiri ta’ films interessanti u diskors. B’hekk inwiegħdu ġurnata ta’ esplorazzjoni u ta’ diskussjonijiet imqanqlin dwar l-essenza tal-baħar u l-impatt profond tiegħu fuq l-eżistenza umana.
It-tieni jum tal-programm huwa kkurat minn Andrew Borg Wirth mill-Padiljun Franko-Ġermaniż tal-maltabiennale.art u fih se tiġi esplorata t-tema “L-Oċean bħala Arkivju.” B’enfasi fuq ir-rwol tal-oċean bħala arkivju dejjiemi u riżorsa vitali, il-programm ifittex li jqanqal djalogu u kollaborazzjoni bejn bosta ħassieba, xjentisti, u artisti biex jiffaċċjaw ċerti sfidi ambjentali u jippromwovu l- konżervazzjoni tal-ibħra. Dawk preżenti jistgħu jistennew panels ta’ diskussjoni interessanti immens bl-involviment ta’ esperti fix-xjenza marittima u l-arti, ikla immersiva b’mużika minn Dolphin Club, wiri ta’ films, u taħditiet minn kuraturi ewlenin u prattikanti artistiċi dwar l-emerġenza tal-klima li qed jiffaċċjaw l-oċeani tagħna. B’hekk din il-kwistjoni urġenti se tiġi indirizzata minn perspettivi varji.
Titlifx din l-opportunità unika biex tingaġġa ma’ dawn il-kwistjonijiet urġenti li qed iħabbtu wiċċhom magħhom l-oċeani tagħna filwaqt li tesperjenza l-qawwa trasformattiva tal-arti u l-kultura. Id-dħul għall-avvenimenti kollha tal-Ocean Weekend huwa bla ħlas imma jeħtieġ li tirreġistra. Irriserva postok u esplora l- programm sħiħ billi ssegwi din il-ħolqa. Id-dgħajsa-mużew tal-Art Explora Festival se tkun wieqfa f’Malta sal-31 ta’ Marzu 2024, u se toffri muża kontinwa u edukazzjoni dwar is-sinifikat tal-oċeani tagħna minn perspettiva kulturali distinta waqt li żżid mal-programm ta’ avvenimenti rikki u diversi li huma parti mill- maltabiennale.art.
maltabiennale.art hija inizjattiva tal-Heritage Malta permezz ta’ MUŻA, il-Mużew Nazzjonali tal-Arti, bi sħubija mal-Kunsill Malti tal-Arti. maltabiennale.art hija ppreżentata wkoll b’kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, mal- Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, mal-Ministeru ta’ Għawdex, kif ukoll ma’ Visit Malta, Malta Libraries, MCAST, Festivals Malta, L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u Spazju Kreattiv. L-inizjattiva tinkludi s-sehem tal-Iskola tal-Arti Viżiva u Performattiva f’Malta, AUM, ŻfinMalta, KorMalta, Teatru Manoel, L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, Franco La Cecla, IULM University Milan, id-Dipartiment tal-Istudji Umanistiċi, il- Fakultà tal-Arti u Turiżmu, id-Dipartiment tal-Wirt Kulturali ta’ Taħt il-Baħar ta’ Heritage Malta, id-Dipartiment Arkeoloġiku ta’ Heritage Malta u l-Mużew Marittimu ta’ Heritage Malta.