Wednesday, February 12, 2025

Ngħiduha kif inhi 

Aqra wkoll

Min se jkunu l-ħaddiema t’għada? Mistoqsija li jixirqilha risposti ċari u maħsuba għaliex kif nafu il-futur li se jkollna jibda mill-għażliet li nagħmlu llum. F’pajjiżna llum ix-xogħol qed jinħoloq mingħajr ebda preċedent u fl-istess waqt qed naraw li n-numru ta’ trabi li qed ikollna niżel sew b’mod li hemm tħassib dwar min se jkunu l-Maltin tal-ġejjieni.

Rapport minn akkademiċi fl-Università ta’ Malta qed jipprevedu li jekk ir-rata tat-twelid f’pajjiżna mhux se tiżdied, il-popolazzjoni Maltija se tonqos bin-nofs sa 45 sena oħra. Din hija stqarrija ta’ min wieħed jaħseb dwarha għaliex jekk dan iseħħ, pajjiżna se jkollu jiffaċċja sitwazzjoni diffiċli mmens. Aktar minn hekk, il-popolazzjoni, la darba ma jitwiedux tfal, se tkun waħda anzjana u b’hekk hemm kwistjonijiet serji marbuta mas-sostenibiltà ta’ bosta affarijiet.

Biex wieħed jagħti kuntest, 45 sena oħra, min illum għandu 20 sena se jkun wasal fl-età tal-pensjoni kif nafuha llum. Jiġifieri, min qed jidħol fid-dinja tax-xogħol illum, jew bħalissa qed ilesti l-istudji fl-università, jista’ jkun li jiffaċċja sitwazzjoni li meta jasal għall-età tal-pensjoni il-popolazzjoni ta’ pajjiżna tkun naqset drastikament.

Forsi jkun hemm min jgħid, 45 sena oħra min rah? Imma minn dak li qed jingħad u kif qed turi l-istatistika llum, ix-xejriet qed jikkonfermaw tnaqqis fin-numra ta’ twelid ta’ trabi Maltin u n-numri ma jista’ jmerihom ħadd. Mela minn banda għandna ekonomija li kibret b’tali mod li saħansitra għandna bżonn il-ħaddiema barranin fostna u mill-banda l-oħra qed naraw popolazzjoni li mhux qiegħda tiġġedded bil-wild ta’ trabi ġodda.

Quddiemna dan ippoġġielna xenarju li jeħtieġ li naħsbu fuqu u naraw bħala poplu kif jeħtieġ li jiġi indirizzat. Għaliex, jekk il-popolazzjoni Maltija se tkun qegħda tonqos, tiġi awtomatika l-mistoqsijiet min se jkunu l-ħaddiema ta’ għada? Min se jkunu dawk li se jsostnu l-ekonomija bil-ħidma tagħhom biex tagħmel tajjeb għall-pensjonijiet? Biex ikollna ħolqien ta’ ġid ħalli nsostnu s-settur tas-saħħa ta’ pajjiżna? Jekk il-popolazzjoni ta’ pajjiżna se tkun ferm aktar anzjana, min se jkunu dawk li jieħdu ħsieb u jofrru l-wens meħtieġ?

Pajjiżna, tul is-snin, ra bosta xejriet fil-popolazzjoni. Minn poplu ċkejken li kien jiddependi fuq li jħallu l-ħakkiema barranin bil-preżenża tagħhom, għal poplu li sar aktar numeruż u li kellu jibgħat lil uliedu f’artijiet imbegħda għax ma kienx hawn xogħol għalihom, għal pajjiż li qed joħloq ix-xogħol imma m’hawnx ħaddiema biżżejjed. Ċiklu interessanti għal ġżira żgħira li kellha tkun għaqlija u kreattiva għall-aħħar biex tibni ekonomija u tagħti livell ta’ għajxien dejjem aqwa lill-poplu tagħha.

Bħalissa pajjiżna għaddej minn diksussjoni mill-aktar interessanti dwar kif għandhom jiġu regolati l-ħaddiema barranin li mhux Ewropej biex ikunu jistgħu jiġu jahdmu f’pajjiżna. Il-preżenża ta’ ħaddiema barranin f’pajjiżna ħolqot diskussjoni wiesgħa f’ħafna okkażjonijiet imqanqla minn argumenti populisti li ma joffru ebda soluzzjoni.

L-impatt ta’ tkabbir tal-popolazzjoni ta’ pajjiżna bil-preżenża ta’ aktar ħaddiema barranin tista’ tgħid li ħalla effetti varji. Filwaqt li l-ħtieġa ta’ aktar ħaddiema huwa fatt li ħadd ma jista’ jmerih, iż-żieda fin-numru ta’ ħaddiema barranin f’qasir żmien ġab bosta effetti oħra fuq is-soċjeta’ Maltija. Ghalhekk, dan is-suġġett irid jiġi trattat b’mod li kull bidla tiżġura li jkun hemm kontrolli akbar dwar min jiġi fostna iżda fl-istess ħin, l-andament ekonomiku m’għandux bżonn ta’ brejkijiet inutli.

Tibqa’ l-kwistjoni kif se naraw li l-popolazzjoni Maltija tibqa’ tiffjorxxi tul is-snin. Diġà kien hemm min beda jfajjar proposti mingħajr ma jispjeġa kif se jwettaqhom. Nahseb li hemm bosta domandi li jeħtieġu risposti ċari. Domandi li jafu jkunu iebsa imma li jeħtieġ li jsiru. Iż-żgħażagħ għaliex mhux qed ikunu daqstant propensi li jkollhom it-tfal? Hija kwistjoni ta’ finanżi? HIja kwistjoni li jiżided il-parental leave? Jew hija kwistjoni ta’ lifestyle li naraw lit-tfal bħala piż li wieħed ahjar jevita biex tkun tista’ tgawdi?

Pajjiżna u l-poplu tagħna jeħtieġ diskussjoni matura dwar dan is-suġġett. L-għażliet personali li se jagħmlu ż-żgħażagħ illum hija l-Malta li se jsibu meta jaslu biex ikun anzjani.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport