Nhar it-Tnejn li ġej qiegħed jiġi mbassar riħ qawwi forza 7 mill-Punent Majjistru li jista’ b’xi mod taffi ftit mis-sħana qawwija li qiegħda taħkem lill-pajjiżna.
Iżda qabel jasal dan ir-riħ qawwi, għal tmiem il-ġimgħa nistennew sħana qawwija kif kienet fl-aħħar jiem.
Fil-fatt, Gordon Grech mis-sit Aġġornament tat-Temp qiegħed ibassar li għada l-Ġimgħa t-temp mistenni li jkun xemxi u sħun b’riħ mill-Majjistral Forza 3 għal 2. Filwaqt li l-ogħla temperatura tlaħħaq is-️37°C u l-inqas 25°C.
Is-Sibt, it-temp ikun xemxi b’riħ forza 3 mill-Punent Majjistru fejn it-temperatura tlaħħaq dik ta’ 36°C u l-inqas tkun 25°C.
IL-ġurnata tal-Ħadd li ġej it-temp mistenni li jkun il-biċċa l-kbira xemxi b’riħ forza 3 mill-Punent Majjistru li jitla’ forza 4 waranfsinhar, iżda jnaqqas sa filgħaxija. L-ogħla temperatura l-Ħadd mistennija tkun 36°C u l-inqas 24°C.
Intant wara nhar it-Tlieta li ġej wara li t-Tnejn ikollna riħ qawwi, mistenni li jibda jnaqqas ir-riħ hekk kif se jkun forza 5 għal 4 mill-Majjistral li wkoll joffri ftit serħan minn din is-sħana. Imbgħad l-Erbgħa r-riħ mistenni li jkun forza 4 li jitla’ għal 5 mill-Majjistral.