Miktub minn Maria Azzopardi – Uffiċjal tal-Marketing tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS)
Il-Milied jiġi b’aspettattivi kbar ta’ familji perfetti u kuntenti li jgawdu ċelebrazzjonijiet u rigali lussużi, iżda mhux lkoll kapaċi ngħixu għal dawn l-aspettattivi. Għal dawk li riċentement tilfu lil xi ħadd maħbub, il-Milied jista’ jintensifika s-sentimenti ta’ niket u dwejjaq.
Ħafna oħrajn jesperjenzaw sentimenti ta’ iżolament, problemi finanzjarji jew żieda fil-kunflitti fil-familja li jagħmlu dan iż-żmien ta’ festi wieħed stressanti. Oħrajn isofru s-solitudni minħabba l-kummerċjalizzazzjoni eċċessiva marbutin ma’ dawn iż-żminijiet, bl-enfasi fuq ir-rigali u l-enfasi fuq attivitajiet soċjali “perfetti”.
Għal min jinsab fi kriżi u jeħtieġ aktar sostenn, jeżistu żewġ linji tat-telefon bla ħlas offruti mill-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS). Dawn huma s-Supportline 179 u l-linja 1772.
Matul l-2022, is-Supportline 179 irċieva total ta’ 17,513-il telefonata filwaqt li minn Jannar sa Ġunju tas-sena 2023 saru 7,813-il telefonata. Minn dawn is-7,813-il telefonata, 5,505 minnhom kienu telefonati ġenwini. Minkejja li ħafna jaħsbu li jkun hemm ammont kbir ta’ tfal li jċemplu fuq din il-linja, fil-verità mill-5,505 telefonata ġenwina li saret minn Jannar sa Ġunju tal-2023, 100 minnhom saru minn minuri.
Maria Azzopardi tkellmet mal-Manager Svetlana Buttigieg fejn tat ħarsa aktar dettaljata dwar is-Supportline 179 u l-linja 1772.
Waħda mir-raġunijiet għalfejn il-persuni jħossuhom aktar weħidhom matul iż-żminijiet tal-festi huwa marbut mal-fatt li s-soċjetà tagħna għandha aspettattivi kbar għal dan iż-żmien tas-sena. Filwaqt li ħafna minna nħarsu lejn l-istaġun tal-festi bħala ċans biex nirrilassaw u nipparteċipaw f’aktar attivitajiet soċjali, dan iż-żmien jista’ jkun aktar diffiċli għal xi nies.
Veru, qisu l-aspettattivi madwar dan iż-żmien tas-sena jkunu kbar anke tara r-reklami. Ħafna minnhom jiffukaw fuq l-aspett li tkun imdawwar mal-familja, li tkun ferħan u tkun mal-ħbieb jew reklami li jiffukaw fuq li tixtri xi ħaġa lil xi ħadd speċjali. Issa jekk persuna sfortunatament m’għandhiex dan iċ-ċirku ta’ nies għeżież, se tħossha ħafna mdejqa meta tara dawn it-tip ta’ reklami.
Però tajjeb li nsemmu wkoll il-fatt li s-solitudni mhix sempliċement meta persuna litteralment tkun weħidha imma jista’ japplika wkoll meta persuna tkun fuq il-post tax-xogħol jew fil-familja imma tħossha weħidha għax ħadd ma jkun qed jifhimha.
Qisu l-ewwel kategorija ta’ persuni li tiġi f’moħħ in-nies meta jaħsbu fuq l-aspett ta’ solitudni huma l-anzjani u mhix idea żbaljata għall-aħħar għax jista’ jagħti l-każ li l-anzjani jispiċċaw weħidhom fosthom jew għax jormlu jew għax it-tfal ma jsibux ħafna ħin biex iżuruhom.
Filwaqt li iva din hija realtà, bħala Supportline 179 nirċievu wkoll telefonati minn nies iżgħar li jħossuhom weħidhom u jkunu jridu jitkellmu ma’ xi ħadd. Is-solitudni mhix xi ħaġa li tiddiskrimina skont l-età iżda sfortunatament tista’ tolqot lil kulħadd.
Ma’ dawn, hemm ukoll l-aspett ta’ saħħa mentali li wkoll tiżola lill-persuna. Ikollna wkoll telefonati min nies li għandhom ‘il fuq minn 30 sena li jaqsmu magħna l-fatt li qed iħossuhom weħidhom jew li m’għandhomx ħbieb u ninnutaw li dawn it-tip ta’ telefonati jiżdiedu b’mod partikolari matul dawn iż-żminijiet; f’xi ġurnata fejn ma jkunux jistgħu joħorġu minħabba li jkun il-maltemp; jew matul iż-żmien tal-Covid-19.
X’għandu wieħed jagħmel biex jaħdem fuq dawn l-emozzjonijiet u ma jħallihomx jikkontrollawlu kif iħossu?
Il-fatt li inti kemm jista’ jkun tibqa’ tfittex kuntatt u tieħu l-inizjattiva diġà hija xi ħaġa li se tgħinek. Filwaqt li nifhem li tista’ tkun sfida għal xi nies, inħeġġeġ lil dak li jkun biex mhux dejjem jistenna li xi ħadd iċempillu iżda għandu jieħu l-inizjattiva biex jagħmel hu l-ewwel telefonata jew anke jekk sempliċement jibgħat messaġġ. Fil-fatt ġieli jkollna nies li jgħidulna li ħadd ma jċemplilhom, u hawn aħna nistaqsuhom: “Iżda int qed tipprova ċċempel jew tibgħat messaġġ?”
Apparti minn hekk aħna nippruvaw inħeġġuhom ukoll biex ifittxu xi gruppi b’interessi simili ħalli b’hekk jiltaqgħu ma’ nies oħrajn u b’hekk ma jibqgħux iżolati u fl-istess ħin din tgħinhom anke mentalment. Pereżempju jekk niltaqgħu ma’ anzjani li jkunu għadhom attivi, naraw xi jkun hemm fil-lokalità li jgħixu fiha bħal xi attivitajiet organizzati mill-Kunsilli Lokali jew il-parroċċi.
Naħseb ċertament li l-akbar sfida hija li l-persuna effettivament tagħmel l-ewwel pass.
Hekk hu. Ħafna min nies naħseb iħossuhom komdi li mill-kumdità ta’ darhom jaqbdu t-telefon u jċemplu fuq il-helpline. Għalhekk, jekk forsi persuna tqum f’nofs ta’ lejl u ma’ tistax torqod, f’ħin fejn il-persuna tkun maħkuma mill-ħsibijiet, taf li tista’ ċċempel fuq is-Supportline 179 u dik isserħilhom rashom. Imma bħala professjonisti ma nixtiequx li l-persuni jserrħu fuq is-Supportline biss. Nixtiequ nnislu fin-nies is-sens li jerġgħu jiksbu s-sens tal-ħajja fejn ma jħossuhomx weħidhom u jsibu xi ħaġa li tagħtihom skop f’ħajjithom.
Ikollna nies li jċemplulna fejn jgħidulna “Dan huwa l-ewwel Milied mingħajr ir-raġel/il-mara” jew persuna mhux miżżewġa li titlef lill-ġenituri tagħha u tgħidilna li spiċċat weħidha. Lil dawn il-persuni dejjem inħeġġuhom biex isibu xi ħaġa li se terġa’ tagħtihom sens f’ħajjithom.
Il-ħajja tmur lil hinn minn telefonata. Is-sabiħ huwa li tiltaqa’ ma’ persuni b’mod fiżiku fejn anke jekk persuna sempliċiment tirċievi tgħanniqa se tħossha ħafna iktar ferħana.
B’xorti t-tajba fis-soċjetà tal-lum jeżistu ħafna gruppi ta’ sapport biex jgħinu lil nies minn faxex differenti ta’ età u esperjenzi. Bħala Supportline 179, aħna għandna l-kuntatt ta’ dawn il-gruppi kollha u b’hekk meta wieħed iċemplilna u jgħidilna ftit dwaru, inkunu nistgħu nagħtuh/a l-kuntatt ta’ xi grupp li nemmnu li jista’ jkun ta’ ġid għal dak li jkun.
Hija biss idea falza li matul iż-żminijiet tal-festi jkun hawn iktar nies li jħossuhom weħidhom u bi dwejjaq, jew bħala servizz tassew tinnutaw żieda anke fit-telefonati?
Bħala servizz ninnutaw żieda fit-telefonati matul dawn iż-żminijiet ta’ festi. Nirċievu telefonati minn nies li sfortunatament jgħidulna li dan se jkun l-ewwel Milied mingħajr ir-raġel jew il-mara, jew l-ewwel Milied f’dar tal-anzjani jew xi ħadd li jkun tilef lil xi ħadd għażiż matul dik is-sena partikolari. Bniedem partikolari pereżempju mietlu t-tifel f’inċident tat-traffiku u jċemplilna biex jaqsam l-emozzjonijiet tiegħu magħna.
Dan nabbinah ħafna mal-ewwel mistoqsija li tikkonċerna l-aspettattivi tas-soċjetà għax bħal donnu tnissel fina s-sens li kulħadd irid ikun ferħan. Persuni li jkunu għaddew minn xi esperjenza kerha ovvjament mhux se jħossu dan is-sens ta’ ferħ u jibdew jistaqsu x’għandhom ħażin u jitolbu biex dawn iż-żminijiet ta’ festi jgħaddu malajr.
Lil dawn il-persuni, u persuni oħrajn li jħossuhom iżolati jew fi kriżi, inħeġġuhom biex ifittxu l-għajnuna professjonali bħalma huwa s-Supportline 179 ħalli nkunu nistgħu nigwidawhom bl-aħjar mod possibbli u nfakkruhom li l-ebda persuna mhi weħidha. Aħna hawn għalikom – tiddejqux iċċemplulna f’każ ta’ bżonn.
Sfortunatament, matul dawk iż-żminijiet ta’ festi mhux l-ewwel darba li nisimgħu li apparti mill-ferħ teżistu wkoll ir-realtà tas-suwiċidju. Huwa minnu li l-emozzjonijiet u l-istress li jseħħu madwar żmien il-Milied jistgħu jikkontribwixxu għal żieda fin-numri ta’ suwiċidju kmieni fis-sena?
Mil-lat ta’ statistika marbuta mas-Supportline 179 ma naħsibx li jkun hemm żieda partikolari fit-telefonati marbuta mas-suwiċidju. Telefonati ta’ persuni li jħossuhom fi kriżi jkollna matul is-sena kollha b’mod speċjali matul dawk iż-żminijiet fejn nesperjenzaw it-taqlib fit-temp.
F’liema ċirkustanzi tista’ persuna ċċempel is-Supportline 179 u l-Helpline 1772 u x’inhi l-aktar raġuni prevalenti?
Kull min hu għaddej minn żmien diffiċli jista’ jċemplilna. Hemm diversi raġunijiet għalfejn persuna ċċemplilna fosthom għax sempliċement tixtieq lil xi ħadd ma’ min titkellem għax tkun qed tħossha ħażin jew weħidha u tkun tixtieq li persuna oħra tiddedikalha ftit ħin biex tgħinha tħossha importanti. Sfortunatament nies li m’għandhom lil ħadd min jiddedikalhom ftit ħin għalihom jibdew iħossuhom li m’għandhomx skop jew li mhumiex importanti.
Apparti mis-solitudni, nisimgħu b’każijiet ta’ kriżi differenti minn persuni li jispiċċaw bla saqaf fuq rashom, persuni li jkunu għaddejjin minn sitwazzjoni ta’ vjolenza domestika, persuni b’orjentazzjoni sesswali differenti li jkunu għadhom mhux qed iħossuhom komdi biżżejjed biex jaqsmu dan ma’ persuni oħrajn u għaldaqstant iħossuhom iżolati. Nirċievu wkoll telefonati dwar sitwazzjonijiet ta’ abbuż tat-tfal u ġieli jċemplu ġenituri biex ikellmuna dwar it-tfal tagħhom li jkunu għaddejjin minn problemi relatati ma’ abbuż ta’ sustanzi fosthom id-droga u l-alkoħol. Ikollna wkoll telefonati ta’ persuni li jkunu fi kriżi u jibda jkollhom ħsibijiet negattivi, apparti minn nies li jċemplulna għal xi informazzjoni.
Bħala medja nirċievu bejn 1000-1200 telefonati fix-xahar. L-aktar tliet raġunijiet huma: is-solitudni, is-saħħa mentali u għal xi informazzjoni. B’xorti t-tajba aktar kemm jgħaddi ż-żmien qed ikun hawn ħafna iktar għarfien dwar dawn is-suġġetti u nemmen li dan il-fatt ikkontribwixxa għaż-żieda fit-telefonati għax in-nies qed isiru aktar konxji li jeżistu s-servizzi.
X’tip ta’ għajnuna wieħed jistenna li jirċievi meta jċempel fuq dawn il-linji?
Dan jiddependi mill-bżonn tal-persuna. F’każ li persuna ċċemplilna minħabba li qed tħossha weħidha, ovvjament se niddedikaw ftit ħin għaliha biex nisimgħuha u f’dak il-mument se nkunu qed ngħinuha biex ma tħosshiex weħidha fejn nesploraw magħha x’tista’ tagħmel biex tbiddel is-sitwazzjoni li tinsab fiha.
F’każ li persuna li ċċemplilna tkun għadha attiva, nitkellmu mal-persuna u naraw x’attivitajiet qed jiġu organizzati fil-komunità li qed tgħix fiha biex anke jgħinuha iżżomm ruħha aktar attiva u tkabbar il-konnessjonijiet soċjali tagħha.
Filwaqt li bħala professjonisti nisħqu fuq l-aspett empatiku, xi kultant noffru sfida lil dik il-persuna li ċċemplilna u din hija importanti għax xi kultant niltaqgħu ma’ persuni li tant iħossuhom li jkunu weħlu fis-sitwazzjoni li qed jgħixu li mingħajr dik l-isfida sfortunatament mhux se jkunu kapaċi jimxu ‘l quddiem.
Jekk tħossok waħdek, importanti li tisfida lilek innifsek u tagħmel dak l-ewwel pass biex tiċċaqlaq mis-sitwazzjoni li sfortunatament mhux qed tkun ta’ ġid għalik. L-ewwel pass, kif jgħidu, huwa wieħed diffiċli ferm, iva, però ftakar li dan mhux qed juri li inti bniedem dgħajjef, anzi, inti persuna b’kuraġġ kbir. Tiddejjaqx tagħmel dak il-pass, żgur li se ssib lil persuni li se jgħinuk u jekk għandek bżonn l-għajnuna, ftakar li hemm is-Supportline 179.
X’messaġġ tixtieq tgħaddi lil dawk in-nies li qed iħossuhom weħidhom matul dan il-perjodu?
Tiddejqux iċċemplulna – Aħna qegħdin hemm 24 siegħa kuljum saħansitra fil-ġurnata tal-Milied. Se jkollna l-ħaddiema soċjali li xorta waħda se jkunu on call matul iż-żminijiet tal-festi u minn hawnhekk nixtieq nirringrazzja lil kull min jifforma parti mit-tim għad-dedikazzjoni tagħhom.
Il-missjoni ewlenija tas-Supportline 179 hija li tipprovdi għajnuna immedjata u imparzjali lil dawk li jfittxu informazzjoni, appoġġ u/jew jeħtieġu referenza għal aġenziji tas-servizzi soċjali. Is-Supportline 179 huwa disponibbli 24 siegħa kuljum u kull telefonata li ssir, kemm minn fuq linja fissa u kif ukoll minn fuq mowbajl, hija bla flus.
Tinsewx – l-ebda problema mhi kbira biżżejjed li ma tistax tissolva. Taqtgħux qalbkom u fittxu l-għajnuna professjonali.