Wednesday, March 27, 2024

NIRRIFLETTU, DWAR L-GĦAQDA WARA GĦADA

Aqra wkoll

Ikolli nammetti li kkonfondejt mhux ftit dwar x’se nikteb illum f’dak li sirna nafuh bħala jum is-silenzju jew jum ir-riflessjoni. Il-liġi elettorali ta’ pajjiżna tipprojbixxi l-istampar u x-xandir ta’ messaġġi ta’ natura politika lejliet xi tip ta’ elezzjoni. Dan sabiex wieħed ikollu ċans jirrifletti dwar l-għażla li dan li jkun irid jagħmel. Għalhekk illum il-gazzetti u l-mezzi konvenzjonali tax-xandir iridu jitkellmu fuq kollox minbarra l-politika! Ikolli nammetti li kelli tentazzjoni kbira sabiex nikteb dwar ir-relevanza ta’ din il-liġi fid-dinja tal-lum, dinja fejn it-teknoloġija tagħmilha faċli ħafna biex twassal messaġġ iżda diffiċli mmens biex dak il-messaġġ tikkontrollah għal ġurnata waħda biss, iżda dan il-pajjiż għal politika biss jgħix? Verament li aħna poplu li l-politika nħobbuha, imma l-politika hija l-unika ħaġa li jħobb dan il-poplu? 

Deħlin fil-perjodu sabiħ tar-Rebbiegħa; perjodu li jġib miegħu temp sabiħ, il-festi tal-Għid u bil-mod tibda r-rankatura lejn Sajf mimli sew b’avvenimenti. Din is-sena r-Rebbiegħa se tibda wkoll b’avveniment uniku, iż-żjara tal-Papa ġewwa pajjiżna. Filwaqt li wieħed jittama li dan l-avveniment ikun mument ta’ ferħ u paċi għal poplu kollu, j’Alla din il-miġja tgħin biex tikkalma l-klima politika, tgħaqqad il-poplu u twassal biex b’ottimiżmu nħarsu lejn perjodu ta’ kalma anke fl-isfond tas-sentejn diffiċli li għaddejna minnhom minħabba l-pandemija. 

Ġimgħa wara ż-żjara tal-Papa tista’ tgħid nidħlu f’perjodu mportanti ieħor, kemm mil-lat reliġjuż kif ukoll mil-lat kulturali u komunitarju. Wara nuqqas ta’ sentejn, reġa hawn sens ta’ entużjażmu għall-fatt li r-riti u d-drawwiet marbutin mal-Ġimgħa Mqaddsa ser jerġgħu jsiru bis-sħiħ kif konna mdorrijin. Filwaqt li ma ninsewx li għalina l-Insara dawn il-festi jfakkru l-iktar ġrajja importanti f’dak li nemmnu, dawn huma wkoll vetrina prestiġġjuża tal-kultura tagħna. 

Ilkoll nafu xi tbatijiet għaddiet minnhom il-kultura Maltija fl-aħħar sentejn minħabba r-restrizzjonijiet li għexna bihom. Ejjew ilkoll nipparteċipaw b’entużjażmu u b’responsabbiltà f’dawn l-attivitajiet, anke biex is-settur tal-kultura f’pajjiżna jerġa’ jibda jieħu r-rankatura li kellu qabel il-pandemija. Wara kollox il-mod vivaċi, u forsi kultant storbjuż iżżejjed, li bih niċċelebraw il-festi tagħna aħna l-Maltin huwa mhux biss delizzju jew żvog għal ħafna minna imma huwa wkoll parti minn prodott turistiku uniku. 

Inħoss li l-klima politika f’dan l-aħħar snin saret iżjed kontinwa minn qabel. Fejn qabel din kienet tirranka fi żmien xi elezzjoni u mbad tikkalma fix-xhur ta’ wara, bħal donnu dawn l-aħħar ħames snin il-politika saret suġġett uniku u kontinwu, bil-kontoversji u l-kuntrasti kollha li jġib miegħu. Wieħed jittama li kif tikkalma l-qiegħa wara l-elezzjoni, għalkemm fid-dell tal-kunflitt bejn l-Ukrajna u r-Russja, nidħlu f’perjodu ta’ trankwillità nazzjonali. Dan ma jfissirx li ma jinqalgħux kontroversji u ma jkollniex nuqqas ta’ qbil, lanqas ma jfisser li għandna noħonqu xi diskussjoni imma li l-poplu jkun jista jiffoka iżjed fuq materji u avvenimenti oħra li għal raġunijiet diversi tajniehom il-ġenb waqt li ffukajna wisq fuq id-diviżjoni milli fuq l-għaqda. 

Ekonomija

Sport