Friday, November 15, 2024

“Nirringrazzja lill-familja tiegħi … qatt ma wrejthom apprezzament għas-sigħat twal li għamilt hawn”

Il-Parlament isellem lis-Sur Ray Scicluna għall-ħidma tiegħu

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fi tmiem is-seduta parlamentari tal-lum, wara qbil bejn iż-żewġ naħat, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ppropona li l-Kamra tar-Rappreżentanti turi l-apprezzament tagħha għall-mod kif qeda dmiru b’mod eżemplari l-Iskrivan tal-Kamra s-Sur Ray Scicluna. Dan għaliex illum kienet l-aħħar ġurnata tax-xogħol tiegħu fil-Parlament peress li se jkun qed jirtira bil-pensjoni.

Is-Sur Scicluna beda jaħdem fil-Kamra tad-Deputati fis-sena 1978 filwaqt li okkupa l-kariga ta’ Skrivan tal-Kamra tar-Rappreżentanti bejn l-2012 u l-2023. Fir-rimarki tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech irringrazzja lis-Sur Scicluna għas-servizz kbir u leali tiegħu fil-Kamra.

“Nixtieq nirringrazzja l-iktar lill-familja tiegħi. Qatt ma wrejthom apprezzament minħabba s-sigħat twal li nagħmel hawnhekk”, qal Scicluna meta mitlub jagħmel diskors tal-okkażjoni.

Min-naħa tiegħu, il-Whip tal-Gvern u s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul fakkar kif is-sena li għaddiet, is-Sur Scicluna rebaħ il-Lifetime Achievement Award, wara li ġie nominat mill-Membri Parlamentari kollha.

Dr Ellul kompla jgħid li s-Sur Scicluna “ilu mill-1978 jaħdem f’din il-Kamra. Wieħed jista’ jifhem kemm ra avvenimenti politiċi għaddejjin minn quddiemu. F’Ray sibt ħabib professjonali. Niddeskrivih bħala ‘walking encyclopedia’ f’dak li għandu x’jaqsam ma’ proċeduri parlamentari. Ma nista’ ninsa qatt it-telefonati li kellna, il-ħidma tiegħu kienet ma taqta’ xejn u dejjem kien disponibbli.”

Is-Segretarju Parlamentari Ellul semma kif kull darba li kien ikun hemm xi nuqqas ta’ qbil, Ray kien jieħdu lejn il-magna tal-kafè u jipprova jipperswadih sabiex kemm jista’ jkun jintlaħaq qbil fil-Kamra. Qal li Ray kien dejjem ifakkru li aktar minn 90% tal-liġijiet dejjem jgħaddu mingħajr kumplikazzjonijiet.  “Jalla jkollok irtirat pjaċevoli mimli saħħa u grazzi tas-servizz li tajt lill-poplu Malti,” temm jgħid Dr Ellul fl-indirizz tiegħu lis-Sur Scicluna.

Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar stqarr li llum kienet ġurnata ta’ diqa għaliex se jirtira persuna li ħadem ħafna f’din il-Kamra b’tant impenn, lealtà u umiltà. Qal li ma tistax ma ssellimx il-persuna ta’ Ray Scicluna, li kien jitkellem miegħu b’mod regolari u li kien aċċessibbli fil-jiem kollha tal-ġimgħa.

“Filwaqt li tgħallimt ħafna mingħandu, irrid ngħid li s-Sur Scicluna jħaddan valuri importanti. Il-valur tal-familja hu valur li jgħożżu. Konna ninnutawh dawk il-ħames minuti jmur wara d-desk tal-Ispeaker biex ikellem lill-għażiża ommu,” qal Cutajar. 

Huwa semma wkoll kif f’ħafna mill-ġranet matul is-sena, Ray ma kienx jiġi l-Parlament bil-karozza iżda bir-rota. Cutajar ippreżentalu wkoll rigal żgħir t’apprezzament – ikona tal-Madonna tal-Mellieħa.

Fil-kummenti tiegħu, l-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li f’Ray dejjem sab bniedem preċiż, ta’ kuxjenza kbira, serju, dedikat f’xogħlu u fuq kollox kien kuraġġuż li dak kollu li ma jaqbilx miegħu kien jgħidu bl-aktar mod ċar. 

“F’isem l-istaff kollu tal-Parlament nirringrazzjak għax kont eżempju ħaj kif għandhom siru l-affarijiet fil-ħajja demokratika f’pajjiżna. Apparti li kont dedikat f’xogħlok, il-familja kienet tiġi l-ewwel. Dak hu valur li aħna nieħdu pjaċir ngħadduh lil ta’ warajna. 

“Nawguralek is-saħħa u dak kollu li tixtieq qalbek. Jekk taħseb li tista’ tkompli ftit sigħat oħra, il-bieb huwa dejjem miftuħ għalik sabiex tagħtina daqqa t’id għax ix-xogħol huwa kbir,” temm jgħid l-Ispeaker filwaqt li ppreżentalu tifkira żgħira tal-okkażjoni.

Ekonomija

Sport