Sunday, December 22, 2024

Niskanta!

Aqra wkoll

Niskanta bl-inkompetenza ta’ ċerti ġurnali.  Riċentament qrajt l-editorjal tat-Times.  Il-kritika kienet dwar l-għoti ta’ jobs għoljin lil nies li huma simpatiċi mal-gvern.  Proprjament il-kritika kienet diretta lejn l-appuntament ta’ Steve Ellul bħala CEO ta’ Infrastructure Malta.  Dan għaliex Steve Ellul kien kandidat għall-Membru Parlamentari Ewropew mal-Partit Laburista. 

Imma l-aktar ħaġa li skantatni hi li l-editorjal ta impressjoni li dawn l-affarijiet bdew isiru minn meta kien hemm Joseph Muscat.  Veru li t-Times minn dejjem kienet, għadha u tibqa’ bl’għan ewlieni li taħdem kontra l-Partit Laburista imma trid tkun veru li marritlek il-memorja li dawn l-affarijiet qatt ma saru qabel speċjalment fi żmien il-Partit Nazzjonalista. 

Min jiftakar l-amministrazzjonijiet Nazzjonalisti ta’ qabel mhux dan biss kien jiftakar imma li tista’ tgħid il-maġġoranza tal-impjegati tal-gvern kienu jintgħażlu skont il-politika.  Jien niftakar l-Universita’ meta fi żmien ċertu ministru kienet imtliet f’kull livell minn nies li kienu joqogħdu s-Siġġiewi.  L-istess niftakar meta fi żmien Segretarju Parlamentari Nazzjonalista, l-MCCAA kienet imtliet minn nies li ġejjin min-naħiet ta’ Ħal Qormi. Kumbinazzjoni dawn kienu mill-postijiet fejn kienu joħorġu għall-elezzjoni dawn il-politiċi.

Insew kemm il-Partit Nazzjonalista impjega nies kumbinazzjoni qabel kull elezzjoni.  Dawn ma kienux impjiegi tat-‘top jobs’ biss għax dawk kienu ilhom mimlija imma ta’ pożizzjonijiet ferm aktar baxxi bħal skirvana, messaġġiera, drivers, watchmen eċċ eċċ.  Imma dawk ma jimpurtax għax mhux Laburisti. 

Jien personalment ma nara xejn ħażin li l-karigi ta’ fuq nett għandhom ikunu mimlija min-nies li mhux kontra l-gvern.  Ir-raġuni hi sempliċi speċjalment meta jkun hemm awtoritajiet regolatorji involuti.  Dawn huma obbligati li jmexxu l-policy tal-Gvern u għalhekk jekk ikun hemm persuna li ma taqbilx mal-Gvern żgur li mhux ser tagħmel ħilitha biex tmexxi ‘l quddiem il-policies tal-Gvern. 

Li kieku dawn in-nies ma jkollhomx esperjenza jew ma jkollhomx kwalifiki, nifhimha l-kritika.  Imma li tikkritika l-appuntament ta’ persuna meta fl-istess ħin tgħid li għandu sew il-kwalifiki u sew l-esperjenza, l-għan tal-kumment mal-ewwel jinftihem.

Din il-ġimgħa stess il-Kummissarju għall-Istandards qal li ma sar xejn ħazin li nisa ta’ ministri jew segretarji parlamentari ngħataw post fic-Civil sakemm dawn kienu kwalifikati kif mehtieg u mxew mar-regoli. Imma din id-deċiżjoni ma ngħatux kasha għaliex hi favur il-gvern.

L-ipokrezija tal-Punent

Din tinkludi speċjalment lill-UE.  Dawn dejjem isemmu prinċipji filwaqt li ma jagħtux kas dawn il-prinċiġji meta jkun hemm persuni jew pajjiżi li huma ħbieb tagħhom.  Fost il-prinċipji l-aktar li jsemmu kontra Malta hu s-saltna tad-dritt – prinċipju li jpoġġi lil kulħadd fl-istess livell.  Mela jekk ikun hemm deċiżjoni ta’ Qorti biex persuna għandha tiġi arrestata, l-awtoritajiet għandhom ikunu marbutin b’din id-deċiżjoni. 

Imma għall-Punent, dan il-prinċipju ma jgħoddx jekk ikun hemm imdaħħal xi ħadd li hu ħabib.  Insemmi d-deċiżjoni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja ta’ Le Hague.  Fuq l-omiċidju li qed jagħmel il-gvern Iżraelit (s’issa qatlu kważi 40 elf persuna, ħafna minnhom nisa u tfal) din il-Qorti ddeċidiet li sew il-Prim Ministru ta’ Iżrael u sew tal-Hamas għandhom jiġu arrestati.

Mhux talli Netanyahu ma ġiex arrestat imma ġie mistieden biex jiltaqa’ ma Biden u Trump u ġie mistieden biex jindirizza l-Kungress Amerikan.  Mhux talli ħadd mhu ser jarrestaħ imma l-probabbilta’ hi li jispiċċa b’aktar armi biex ikompli s-suwiċidju tal-Palestinjani.

Din mhix xi ħaġa stramba għaliex anki jekk nieħdu l-invażjoni tal-Ukranja.  Mhux talli kkundannawha imma barra li ħadu passi kontra r-Russja, imlewhom bl-armi.  Ara Ċipru differenti.  Din is-sena għalaq ħamsin sena maqsum.  Imma Ċipru mhux importanti għaliex min invadieh u ħadlu terz ta’ pajjiżu kienet it-Turkija, pajjiż tan-NATO, u mhux talli ma għamlu xejn biex Ċipru jerġa’ jingħaqad imma stidnu lit-Turkija biex isir membru tal-UE.  Biex inkun ġust, jien ċert li t-Turkija qatt mhu ser tiġi aċċettata għaliex hi Musulmana u hi pajjiż kbir. 

Il-Mosta

Id-deċiżjoni tal-mexxeja Nazzjonalisti tal-Kunsill tal-Mosta li jridu jiftħu aktar toroq għat-traffiku li mhux talli jillimita lin-nies li jgawdu l-pjazza sabiħa tagħhom imma b’din id-deċiżjoni jkomplu jżidu l-arja ħażina li jipprovdu l-karozzi fil-qalba tal-Mosta. Kulħadd jaf li l-karozzi huma l-aktar ħaġa li tagħmel ħsara lill-ambjent.

L-iskuża li qed iġibu hi li n-negozji mhux qed imorru tajjeb minħabba n-nuqqas ta’ karozzi li jgħaddu minn hemm.  Biss wieħed jiftakar li fit-Triq ir-Repubblika (Strada Rjali) tal-Belt kien jgħaddi traffiku l-ħin kollu.  Wara bdiet tingħalaq fil-għaxija biss u kienet tintela bin-nies f’dawk il-ħiniijiet.  Wara ingħalaq it-traffiku ‘l ħin kollu ħlief fil-għodu kmieni biex in-negozji jkunu jistgħu jirċievu l-prodotti li jenħietġu.  Illum Triq ir-Repubblika mhux biss saret tkun mimlija ‘l ħin kollu b’nies jixtru imma saret ukoll ċentru għall-komunita fejn in-nies jistgħu jiltaqgħu.  Imma dan lanqas biss jasal għall-moħħ tal-Kunsill Nazzjonalista. 

Din id-deċiżjoni tagħtina indikazzjoni ċara ta’ xiex ikollu jiffaċċja l-poplu Malti jekk ikollna gvern Nazzjonalista. 

Ekonomija

Sport