Monday, April 22, 2024

“Qabel kien żmien ieħor imma n-namra tibqa’ fik” – Stephen u Elena Caruana

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Bdejt narma ta’ tmien snin ma’ missieri bil-qubbajt, iżda meta tfarfart jiena żidna xi prodotti minħabba li l-kompetittività bdiet tiżdied. Jiena bdejt bid-doughnuts, crepes, ħelu tal-kwart, imqaret u prodotti oħra li nintalbu mill-klijenti tagħna. Issa għandi esperjenza ta’ aktar minn 30 sena f’dan ix-xogħol u minkejja li m’għadux li kien il-passjoni tagħna li niltaqgħu man-nies u noffru s-servizz tagħna ma nbiddluha ma’ xejn. Miegħi tiġi marti u ġieli taw daqqa t’id uliedi wkoll, iżda fil-biċċa l-kbira nkunu jien hu hi. Il-Ħadd narmaw hawnhekk qabel taqbad it-telgħa tal-Baħrija, iżda imbagħad issibna wkoll fil-festi tal-irħula.

L-isfidi huma kbar, għamilna sentejn ma narmawx, kien hemm perjodu twil li konna f’inċertezzi, iżda qalbek jekk tkun tħabbat hawn, tkun qisha ġo fik u kif ngħatajna permess, sibt ċans biex nerġgħu nibdew narmaw. 

Sfortunatament dan ix-xogħol fih x’tomgħod, għandek is-sajf tista’ tgħid li għandek perjodu fejn kulħadd ikun għall-festa u aħna nkunu armati f’dik is-sħana, jew nippreparaw, jew innaddfu u l-għada trid terġa’ tarma banda oħra. Minbarra dan għandna żewġ karrijiet oħra u biex iżżomm l-indafa u l-kwalità tal-prodott jew se tagħti kollox jew ma tarma xejn. Aħna minn Ħaż-Żabbar u waqt li kulħadd ikun qiegħed jixxala aħna tista’ tgħid qatt ma gawdejna xejn minnha.

Bdejna flimkien konna għadna għarajjes u qatt ma ħarisna lura jew ħsibna li nieqfu. Bħal dejjem ikun hemm żminijiet diffiċli, iżda la tkun tħobb ix-xogħol ma tistax tagħmel mod ieħor. 

Ovjament qabel kien żmien ieħor, niftakar żmien meta t-turisti, bejn għax kienu jiggustawna għax konna tfal u bejn għax it-tradizzjoni kienet aktar b’saħħitha, kienu jgħidulek żomm il-bqija”.

Stephen u Elena Caruana; bejjiegħa fil-festi

Sport