Wednesday, November 6, 2024

Qalgħet mas-26 daqqa ta’ sikkina … kellha sieħeb ġdid iżda tat ċans lis-suspettat isib fejn jgħix

Tibda tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra Fabian Eliuth Garcia Parada

Aqra wkoll

Fil-Qorti bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra Fabian Eliuth Garcia Parada ta’ 43 sena li qed jiġi mixli bil-qtil ta’ Sandra Milena Ramirez f’Jannar li għadda.

Beda biex jixhed l-Ispettur Wayne Camilleri stazzjonat fl-Iskwadra ta’ Kontra l-Omiċidji fejn qal li fit-13 ta’ Jannar li għadda għall-ħabta tas-6:20 a.m kien infurmat permezz ta’ telefonata mill-Control Room tal-pulizija li kien daħal rapport ta’ omiċidju fi Triq Sir George Borg, tas-Sliema.

L-Ispettur Camilleri kompla biex jixhed li mal-wasla tiegħu fil-post sab xena – ta’ mara mejta b’diversi daqqiet ta’ arma li taqta’ u bil-ponta – li kienet preservata tajjeb. Spjega fil-Qorti li fl-appartament ma kien hemm ħadd u li t-triq kienet ingħalqet.

Eliuth mar jirrapporta li kien qatel lis-sieħba

Fix-xhieda tiegħu qal ukoll li tkellem mas-Surġent u li dan qallu li għall-ħabta tas-6.15 a.m. kien daħal l-Għassa ta’ Tas-Sliema Fabian Eliuth Garcia Parada b’mobile f’idejh u qallu li fuqu kien hemm traduzzjoni mill-Ispanjol għall-Ingliż u fuq il-mobile kien hemm “I murdered my ex partner in an argument inside my home. I live at 49A Triq Sir G. Borg Tas-Sliema”. L-Ispettur kompla biex jgħid li kien infurmat ukoll li kien hemm problema ta’ komunikazzjoni bejn il-Pulizija u Eliuth u li minn spezzjoni li saritlu l-pulizija sabulu mobile ieħor, kartiera u ċavetta ta’ appartament. Filwaqt li kompla bix-xhieda dettaljata tiegħu, l-Ispettur Camilleri qal ukoll li Eliuth kien mar magħhom fuq il-post u saħansitra indikalhom hu stess il-post u fetħilhom bl-istess ċavetta li kellu fuqu. Xehed ukoll li Eliuth wara daħal fl-appartament lejn in-naħa ta’ ġewwa fejn kien hemm il-kamra tas-sodda u hemm sabu katavru ta’ mara mgħotti minn rasha sa saqajha bi gverta. 

Is-suspettat kellu qatgħa f’idu

Xehed ukoll dwar kif is-Surġent kien innota wkoll li s-suspettat kellu qatgħa f’id minnhom. Kif ra hekk l-Ispettur Camilleri ta istruzzjonijiet sabiex is-suspettat ma jitħalliex jaħsel idejh u ordna li tim forensiku jmur l-Għassa ta’ Tas-Sliema biex jiffotografa u jeżamina lill-imputat. Talab ukoll biex jittieħdu l-ħwejjeġ kollha li kien liebes biex jiġu eżaminati għad-DNA.

Kien hemm dmija fil-kamra tas-sodda u fil-kuritur

Kompla biex jixhed li l-katavru kienet wiċċha ’l fuq u li seta’ jara diversi daqqiet ta’ possibbilment arma li taqta’. Rigward dmija, l-Ispettur xehed li kien hemm dmija viżibbli kemm fil-kamra fejn instab il-katavru kif ukoll fil-kuritur. 

Camilleri kompla biex jixhed rigward l-identifikazzjoni tal-vittma. Spjega fil-Qorti li l-identità tal-katavru kienet magħrufa minn xi dokumenti li nstabu fl-appartament stess. Instabet ukoll tal-linja card tal-vittma u sar magħruf li l-vittma kienet Sandra Milena Ramirez Prieto mill-Kolumbja. 

Hekk kif kompla bix-xhieda tiegħu l-Ispettur qal li ftit wara ġie s-sid tar-residenza mikrija lill-vittma u kkonferma li hu kien jikri lil Sandra u li kien hemm is-sieħeb tagħha ċertu Fabian Eliuth li kien qed jirrisjedi magħha.

Instabet sikkina bi traċċi ta’ demm mal-oġġetti maħsulin

Rigward l-arma, l-Ispettur Camilleri xehed ukoll li kienet instabet sikkina fil-kċina li għalkemm kienet ġo tray tal-plastik fejn kien hemm l-affarijiet maħsuln, setgħu jinnotaw li possibilment kien hemm xi traċċi ta’ dmija magħha, b’mod parikolari mal-manku tagħha li kien blu. 

Barra minn hekk it-tim forensiku sabu rċevuta fuq il-post. Kien hemm irċevuta tal-ġurnata qabel mill-istabbilment Pavi Supermarket fejn fiha kien jidher li nxtrat sikkina tad-ditta Tescoma flmkien ma’ żewġt ifliexken inbid.

Fejn jidħol ġbir ta’ evidenza l-Ispettur Camilleri xehed li bħala Pulizija setgħu jinnutaw diversi CCTV’s u minn analiżi li saret setgħu jaraw l-aħħar movimenti tal-vittma u tas-suspettat.

Mill-filmati li nġabru rriżulta li l-ġurnata ta’ qabel il-qtil fit-7.57 p.m, il-vittma daħlet fl-istess appartament. Madwar siegħa u nofs wara dehret persuna femminili tidħol fl-istess appartament u seba’ minuti biss wara dehru ħerġin din l-istess mara flimkien mal-vittma. Dehru jistennew għal xi ħin sakemm rikbu taxi u telqu miż-żona.

Dakinhar tad-delitt il-vittma dehret tirritorna lura fl-appartament fis-00.46 a.m. u dan kien l-aħħar moviment tagħha fuq il-filmati miġburin.

Is-suspettat deher dieħel jixtri żewġt ifliexken inbid u sikkina minn CCTVs

B’referenza għall-irċevuta li nstabet ġew analizzati wkoll il-movimenti tas-suspettat li jum qabel id-delitt għall-ħabta tal-4:15 p.m deher dieħel jixtri mill-Pavi Supermarket f’Ħal Qormi. Tmien minuti biss wara huwa deher jersaq biex iħallas ta’ żewġ fliexken inbid u sikkina b’manku blu li qablet ma’ dik li sabet il-pulizija fuq il-post. Huwa deher dieħel lura fl-appartament f’Tas-Sliema. Huwa deher ħiereġ fis-6:07 a.m u għal xi raġuni deher jerġa’ jidħol lura għal ftit sekondi sakemm reġa’ ħareġ u beda miexi lejn Triq Dingli. Fis-6:22 a.m huwa deher dieħel fl-għassa ta’ Tas-Sliema.

Sandra qalgħet mas-26 daqqa ta’ sikkina

L-Ispettur xehed ukoll dwar l-awtopsja li seħħet dakinhar tal-qtil u li għaliha kien preżenti. Spjega li l-esperti setgħu jinnotaw li l-vittma kienet qalgħet madwar 26 daqqa ta’ sikkina. L-Ispettur Camilleri xehed li fl-istess waqt l-Ispettur Michael Vella kien qed jassisti lill-Maġistrat inkwerenti fejn ġew mitkellma madwar sitt persuni. Dawn il-persuni kollha kienu barranin jew li kienu jafu lis-suspettat, jew lill-vittma jew lt-tnejn li huma. Waħda minnhom kienet Marcella Rodriguez, l-istess waħda li dak il-lejl ħarġet ma’ Sandra. 

“Minn dak li qalu l-persuni mitkellma ġie kkonfermat li Fabian u Sandra kienu qed joqogħdu flimkien fl-istess appartament f’Tas-Sliema. Ġie magħruf li ilhom Malta madwar sentejn, li kienu f’relazzjoni flimkien però riċentamnet ma kinux sew bħala relazzjoni u Sandra ddeċidiet li titilqu, ġie magħruf li xorta kienu qegħdin jgħixu flimkien għax sandra tat ċans lil Fabian sakemm isib post alternattiv fejn jgħix, sar magħruf li għalkemm kien jgħixu fl-istess apartament ma kinux jorqdu fl-istess sodda u li Sandra kienet torqod fil-main bedroom u Fabian kien qed jorqod fil-living room, sar magħruf ukoll li Sandra riċentament kellha sieħeb ġdid ukoll possibilment kien jaħdem bħala taxi driver u li Sandra dak il-lejl qabel ma nqatlet kellha xi reception ma’ xi kollegi tagħha tax-xogħol f’Tas-Sliema stess”, qal l-Ispettur Camilleri.

Waqt l-interrogazzjoni Eliuth qal li kien propona lil Sandra għaż-żwieġ

Huwa spjega li l-interrogazzjoni tal-imputat saret l-għada 14 ta’ Jannar u damet madwar sagħtejn. Waqt l-interrogazzjoni huwa kkonferma li fl-appartament kienu joqogħdu hu u Sandra. Mistoqsi għalfejn kellu żewġ mobiles f’idejh meta mar l-Għassa, is-suspettat wieġeb li mobile minnhom kien tiegħu u l-ieħor ta’ Sandra. Huwa ddeskrivieha bħala s-sieħba tiegħu u li anke kien proponielha biex jiżżewġu waqt btala li kellhom is-sena li għaddiet. Qalilhom ukoll li kienu ilhom flimkien sa minn qabel ma ġew Malta. Meta ġie muri ritratt ta’ Sandra ma’ ġuvni ieħor, is-suspettat ma wieġeb xejn u tefgħu wiċċu ‘l isfel. Imbagħad qal li ma kienx jaf u lanqas ma ried ikun jaf min kien. Meta muri ritratt tas-sikkina huwa għażel li ma jweġibx. Rigward l-irċevuta msemmija aktar qabel, meta murija lilu, is-suspettat ikkonferma li kien mar jixtri sikkina u żewġt ifliexken. Dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ Sandra, huwa għażel li ma jweġibx. Huwa ġie mistoqsi wkoll jekk kienx hemm xi ħaġa oħra li ntużat waqt l-omiċidju minbarra s-sikkina, iżda anke hawnhekk għażel li ma jweġibx u lanqas wieġeb meta mistoqsi għaliex kien qatilha. Dakinhar filgħaxija, Fabian Eliuth tressaq quddiem il-Maġistrat Elaine Rizzo.

Il-kumpilazzjoni tkompli fit-13 ta’ Marzu.

Sport