Saturday, November 16, 2024

Raġel bi problema tad-droga jammetti li seraq minn karozzi

Aqra wkoll

Raġel li ammetta li seraq minn diversi karozzi fil-Furjana, ingħata l-libertà proviżorja sakemm jingħata s-sentenza.

Mark Cauchi Bellotti ta’ 43 minn Raħal Ġdid tressaq il-Qorti mixli b’żewġ attentati ta’ serq u serqa oħra li kienu mwettqa l-Ħadd li għadda bejn l-4.00 p.m. u s-6.00 p.m. fi Triq Vincenzo Dimech. Huwa kien akkużat ukoll li kien riċediv.

L-avukat tiegħu, Jason Grima, spjega li l-imputat għandu problema ta’ droga u jrid jindirizzaha iżda għandu bżonn l-għajnuna biex jagħmel dan. Intqal li meta kien taħt probation l-imputat kien tbiegħed mill-kriminalità.

“Fiċ-ċirkostanzi, ordni ta’ trattament ikun jixraq,” sostna l-avukat. L-Avukat Brandon Bonnici mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qal li l-mod ta’ kif seħħew dawn ir-reati, fid-dawl tax-xemx, wera li ma kinux ippjanati.

Min-naħa tiegħu, l-Ispettur Gabriel Micallef qal li l-imputat kien lest jidħol fi programm ta’ rijabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga.

Il-Maġistrat Charmaine Galea, qalet li se tkun qiegħda tagħti s-sentenza nhar it-Tnejn li ġej.

Sadanittant, Bellotti ngħata l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet fosthom li jiffirma l-għassa nhar il-Ħadd u jattendi għas-seduta tal-Qorti tat-Tnejn.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet ukoll mill-Ispettur Jeffrey Rizzo.

Ekonomija

Sport