Tuesday, March 26, 2024

RIFORMI FINANZJARJI

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Tħabbar li jinsabu għal-lest riformi fil-qafas tar-regoli u l-inċentivi li fih joperaw is-servizzi finanzjarji. Se jkun interessanti li wieħed jifli d-direzzjoni tal-bidliet proposti. Ilu jidher li das-settur qed jikkozza f’diversi punti ma’ kif qed tevolvi il-leġislazzjoni Ewropea li tirregola s-settur. L-Unjoni Ewropea hi misjuqa mill-impenn biex toħloq suq wieħed tal-kapital; imma mhux biss. Għaddejja wkoll ħidmiet kontra l-ħasil tal-flus  u biex jiġi żgurat li taxxi dovuti tassew jitħallsu.

Sadattant, il-qagħda ta’ Malta u tas-servizzi finanzjarji tagħha qalgħu ħafna kritika li mhux dejjem ilqajnielha tajjeb. Kemm ilna membri tal-Unjoni Ewropea, is-servizzi finanzjarji mxew ’il quddiem preċiżament għax ma kienx hemm regoli Ewropej dwar is-settur. 

Forsi kien ikun tajjeb kieku qabel mal-bidliet imħabbra ddaħħlu f’seħħ, ġew publikati u diskussi f’White Paper tal-gvern. Il-ħruġ ta’ White Paper inqatgħet kważi għal kollox mill-prattika amministrattiva tagħna. Minflokha daħlet il-prattika “Ewropea” ta’ konsultazzjoni publika jew professjonali.

ORIĠINI

Hemm preġju fis-suq għal jekk ħaġa li tinġab għall-bejgħ tkun ta’ oriġini Maltija. Dan ma japplikax biss għall-antikitajiet tal-għamara, pittura jew x’naf jien. Igħodd ukoll għal prodotti ta’ konsum kurrenti, u mhux biss inbejjed u ġobon.

Ħafna mill-prodotti jeħduna lura għal żmien meta l-ekonomija kienet tiddependi sew mill-biedja u t-trobbija tal-bhejjem. Dan hu żmien li donnu kulħadd jixtieq li jintesa.

Pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea mhumiex jagħmlu l-istess żball. Qed iġibu l-boll tal-Unjoni għal prodotti artiġjanali li skont huma, oriġinaw għandhom u li huma biss jistgħu jbigħu taħt ċerta tikketta. Niddubita kemm qed jagħmlu dan biex sempliċement ma jħallux lil ħaddieħor jidħlilhom fl-għalqa. Aktar naħseb li b’hekk, qed iħejju l-pedament li minnu jistgħu jbigħu il-prodott tagħhom bħala l-aktar wieħed ġenwin u tajjeb li jista’ jinstab fis-suq.

MITOLOĠIJI POLITIĊI

Kull grupp, kull komunità, kull partit, kull reliġjon, kull pajjiż iżomm/iżżomm in komuni bejn il-membri li jifformawhom numru ta’ narrattivi dwar x’kien għadda fil-passat u xinhu jiġri fil-preżent. Ħafna minn dawn in-narrattivi ma jkunux aħjar (jekk “aħjar” hi kelma tajba) minn mitoloġiji, jew ħrejjef sbieħ u koroh li jwasslu lil min jemminhom biex jikkonferma kemm dak li dejjem stinka għalih, kien tajjeb illum u lbieraħ. 

Hekk naħseb meta nisma’ r-referenzi li jsiru dwar is-snin sebgħin u tmenin tas-seklu l-ieħor. Skont in-narrattiva li għadhom jinsistu fuqha mezzi ta’ kumnikazzjoni u gazzetti bħat-“Times of Malta” u l-“Malta Independent, kien hemm gvern Laburista dittatorjali u Oppożizzjoni qaddisa u ġentili li għamlet minn kollox biex b’idejn puliti, tirranġa l-affarijiet.

Mentri mhux hekk.

Ekonomija

Sport