Sunday, November 24, 2024

Sabuħ moħbi fi gwardarobba wara li wettaq diversi serqiet

Aqra wkoll

Redent Azzopardi ta’ 21 sena minn Bormla ammetta quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella li kien seraq televixins, mobile, tliet kaxxi bil-flus li kien fihom €730, hair dryer, microwave, ħadida tal-mgħodija, kitla, par speakers, printer u ammont ta’ lożor u xugamani.

Azzopardi tressaq il-Qorti mill-Isptettur Gabrielle Kitcher li kien mgħejjun mill-Avukat Alessia Schembri għall-Avukat Ġenerali. Hu kien akkużat b’diversi serqiet minn boutique hotels u ħwienet f’Bormla, fil-Birgu u l-Belt Valletta.

Il-Prosekuzzjoni qalet fil-Qorti li l-pulizija fl-għassa ta’ Bormla kienu rċivew rapport dwar serqa li kienet saret minn boutique hotel f’Bormla stess. Hekk kif il-pulizija bdew jinvestigaw u raw filmati ta’ CCTV, l-akkużat mill-ewwel ġie ddentifikat.

Wara, għand il-pulizija komplew jirċievu aktar rapporti ta’ serq u hekk kif l-investigaturi bdew jaraw CCTVs tal-ħwienet involuti bdew jikkonfermaw li kien l-akkużat li wettaq dan is-serq.

Minn hawn il-Pulizija bdiet tfittxija biex jarrestaw lil Azzopardi. L-ewwel li marru kien fir-residenza ta’ ommu, iżda ma kienx qiegħed hemm. Wara marru fir-residenza ta’ missieru u wara tfittxija sabuh mistoħbi fi gwardarobba.

Għal akkużat dehru l-avukati Franco Debono u Francesca Zarb fejn talbu li jsir rapport mill-ħaddiema soċjali u professjonisti minħabba l-problema tad-droga li għandu l-akkużat.

Talbu wkoll li jingħata l-ħelsien mill-arrest, liema talba ġiet milqugħa mill-Qorti. Hu nagħata l-ħelsien uq depożitu ta’ €600 u garanzija personali ta’ €10,000 kif ukoll imponiet diversi kundizzjonijiet fuqu.

Il-każ se jkun qiegħed ikompli jinstema fil-11 ta’ Diċembru fejn se jiġi ppreżentat r-rapport mitlub kif ukoll jingħata s-sentenza.

Sport