Friday, December 27, 2024

Serie A: Tiħrax it-taqtiegħa għar-raba’ post

Aqra wkoll

B’Inter huma diġá champions tas-Serie u Milan huma kważi aċċertati mit-tieni post segwiti minn Juventus, jidher li t-taqtiegħa għar-raba’ post hija l-aġenda ewlenija għat-tliet ġranet li fadal. 

Din l-isfida hija bejn Bologna, Atalanta u Roma. Filwaqt li Bologna qed igawdu din il-pożizzjoni b’erba’ punti vantaġġ fuq Atalanta u Roma, huma jmorru ji­lagħ­bu għand Napoli filwaqt li l-istess Atalanta jospitaw lil Roma f’dik li hija l-aqwa partita ta’ tmiem il-ġimgħa.   

Atalanta v Roma – F’konfront dirett, Atalanta jilq­għu lil Roma li xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji taż-żewġ timijiet. 

Filwaqt li huma jittamaw li Bologna jiżolqu kontra Napoli, telfa tkun tfisser li jinqatgħu għal kollox mit-taqtiegħa għal post fil-UEFA Champions League. 

U jekk fl-ewwel round iż-żewġ timijiet temmew fi draw ta’ 1-1, il-bilanċ ixaq­leb favur Roma meta minn 123 partita, il-Giallorossi reb­ħu 54 filwaqt li l-Berga­maschi rebħu 30. 

Bħalissa Atalanta jinsabu f’forma tajba hekk kif ġejjin minn tliet rebħiet konsekuttivi. Min-naħa l-oħra, Roma ġejjin minn rebħa u żewġ draws.

Aktar minn hekk, it-team immexxi mill-coach, Gian Piero Gasperini, nhar il-Ħamis ikkwalifika għall-finali tal-UEFA Europa Lea­gue u se jaffronta lil Bayer Leverkusen, f’Aviva Sta­dium, f’Dublin, l-Irlanda.  

Atalanta ma jistgħux jinkludu lil Sead Kolasinac, Rafael Toloi u Emil Holm minħabba li qed jirkupraw minn injury filwaqt li Roma għandhom il-players kollha għad-dispożizzjoni. 

Napoli v Bologna –  Bologna jmorru għand Napoli fejn qed jistennihom impenn mill-aktar diffiċli. 

Il-Partenopei jridu jirritornaw għar-rebħ minħabba li mill-aħħar erba’ ħar­ġiet huma kisbu biss tliet punti minn tliet draws.

Min-naħa l-oħra, Bologna huma konxji li rebħa tres­saqhom fix-xifer tal-istorja … li jfisser il-kwalifikazzjoni għall-UEFA Champions League. Fil-veritá d-destin jinsab f’idejhom.  

Iżda huma se jkollhom jgħaddu mingħajr is-servizzi tal-imweġġgħin, Lewis Ferguson u Adama Soua­mo­ro … filwaqt li Napoli għandhom barra lil Leander Dendoncker, Kvicha Kva­ratskhelia, Giacomo Raspadori u Piotr Zielinski, min­ħabba l-istess raġuni. 

Milan v Cagliari – Milan jilqgħu lil Cagliari fejn reb­ħa tressaqhom aktar lejn it-tieni pożizzjoni hekk kif bħalissa għandhom vantaġġ ta’ ħames punti fuq Juventus. 

Min-naħa l-oħra, it-team minn Sardinja huwa fil-bżonn tal-punti  minħabba li jinsab tliet punti biss fuq iż-żona l-ħamra liema po­żizzjoni ġġib magħha l- periklu tar-relegazzjoni.    

Milan għandhom lil Mike Maignan u Ruben Loftus Cheek imweġġgħin filwaqt li Bologna ma jistgħux jinkludu lis-sospiżi, Gianluca Gaetano u Tommaso Augello, filwaqt li Nicolas Viola u Marco Mancosu huma mweġġgħin.

Ekonomija

Sport