Postijiet kummerċjali tal-gvern se jkunu eliġibbli għal ċens ta’ 50 sena skont skema ġdida li tħabbret mill-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi.
F’konferenza tal-aħbarijiet f’Bormla, il-ministru fakkar li dan kien ġie mwiegħed fil-manifest elettorali u fil-Budget 2024.
Wara li fl-2015 kienet ġiet introdotta skema pilota għall-konverżjoni ta’ kirjiet kummerċjali fi ċnus għall-ħwienet fil-Belt Valletta, issa ġie deċiż li din l-iskema tkun estiża għall-kumplament tal-pajjiż b’kundizzjonijiet aġġornati.
“Il-gvern qed iniedi din l-iskema biex postijiet kummerċjali jingħataw titolu aktar stabbli u għat-tul bil-għan li jiġi inċentivat aktar investiment fis-settur privat f’dawn l-istabbilimenti,” saħaq il-ministru.
Huwa ħabbar li l-Avviż Legali dwar l-iskema qed jiġi ppubblikat illum stess u ta’ dettalji dwar min ser ikun jista’ japplika għal din l-iskema. Fost l-oħrajn jistgħu japplikaw persuni li fil-ġurnata tad-dħul fis-seħħ tar-regolamenti għandhom konċessjoni emfitewtika valida rikonoxxuta mill-Awtorità tal-Artijiet. Jistgħu ikunu persuni li għandhom kirja kummerċjali valida mogħtija mill-istess Awtorità jew proprjetà li għandha t-titlu ta’ casa-bottega. Jista’ japplika wkoll min għandu ftehim biex jopera proprjetà kummerċjali tal-gvern.
Mal-Avviż Legali qed tkun ippubblikata skeda li telenka liema huma dawk il-propjetajiet kummerċjali tal-gvern li se jkunu aċċettati biex japplikaw taħt din l-iskema. Fost dawn insibu dawk li skont l-ordni magħrufa bħala Use Classes Order tal-Awtorità tal-Ippjanar jaqgħu fil-kategoriji 2B, 2C, 3A u 3B, 4A, 4B, 4C, u 4D, 51 u 6A. Dawn il-klassijiet jinkludu istituzzjonijiet mhux residenzjali, istituzzjonijiet edukattivi, akkomodazzjoni turistika, lukandi, uffiċini, ħwienet li jbiegħu bl-imnut, stabbilimenti tal-ikel u x-xorb, u binjiet li għandhom x’jaqsmu ma’ light industry u industrija relatata mal-ħażna jew distribuzzjoni.
Hemm ukoll propjetajiet li għall-fini ta’ dan l-avviż legali se jitqiesu bħala kummerċjali bħal arcades ta’ divertiment, swali, servizz ta’ kiri ta’ karozzi jew taxis, skejjel tal-għaddasa, take-aways tal-ikel, kumplessi għall-ħasil jew tindif ta’ ħwejjeġ jew drappijiet, fran, ċentri għall-konferenzi, supermarkets, swali tal-logħob tat-tombla u ħwienet li jbiegħu armi tan-nar.
Iċ-ċens se jkun qed jinħadem bir-rata ta 2% fis-sena fuq il-valur tal-proprjetà u jkun rivedut minn żmien għal żmien. Permezz ta’ din l-iskema kull min iħaddem post kummerċjali proprjetà tal-gvern se jkollu l-opportunità li jippjana fit-tul u se jkollu aktar possibilità ta’ kif imexxi din l-attività kummerċjali.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tkellem ukoll l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-Awtorità tal-Artijiet, Robert Vella li ta dettalji tekniċi dwar l-Avviż Legali u l-implimentazzjoni tiegħu. Preżenti wkoll kien hemm is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Carlos Tabone.